Futbol Sport

Il-gowlkiper Kristijan Naumovski jsir ir-raba’ akkwist ta’ Balzan

Balzan komplew juru l-intenzjonijiet tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat fl-istaġun li ġej meta akkwistaw lill-gowlkiper Kristijan Naumovski. Huma kellhom jegħlbu l-isfida ta’ diversi timijiet fosthom Hibernians iżda wkoll offerta kbira miċ-Ċina.

Naumovski beda jilgħab f’pajjiżna f’Jannar tas-sena l-oħra meta ngħaqad ma’ Birkirkara. Hu kellu nofs staġun pożittiv tant li kien konfermat bħala l-gowlkiper regolari ta’ Birkirkara għall-istaġun li għadu kif intemm. Iżda f’Jannar Naumovski kellu kompetizzjoni minn Andrew Hogg li poġġiet il-permanenza tiegħu f’dubju.

Minbarra Naumovski, Balzan sa issa akkwistaw ukoll lill-attakkant Stefan Dimic u lid-difensur ċentrali Augustine Loof, li se jilagħbu f’pajjiżna għall-ewwel darba, kif ukoll lil Arthur Faria Machado li fil-passat lagħab ma’ Ħamrun Spartans, fiż-żmiem li Jacques Scerri kien kowċ tal-Ħamruniżi.

GŻIRA – Il-programm ta’ Net Television Replay ikkonferma li għaddejjin diskussjonijiet li jinsabu fi stadju avvanzat bejn Gżira United u Floriana għall-akkwist ta’ Arthur Oyama. Id-difensur xellugi Brażiljan lagħab fl-aħħar żewġ staġuni ma’ Floriana u speċjalment fl-aħħar staġun kien plejer regolari.

VALLETTA – Il-midfielder Santiago Malano se jibqa’ ma’ Valletta hekk kif iffirma kuntratt ta’ sena wara li l-kuntratt eżistenti kien skada x-xahar li għadda. L-Arġentin ta’ 32 sena kien ingħaqad maċ-champions lokali fl-2016 u magħhom rebaħ darbtejn il-kampjonat u darba l-FA Trophy u s-Super Cup.

Tags