It-total ta’ sitt midalji tad-deheb, 12 tal-fidda u disa’ tal-bronż hu riżultat li ssodisfa lill-Kumitat Olimpiku Malti hekk kif fi kliem id-Direttur tal-Isport Ivan Balzan, intlaħqu l-miri li kellhom, b’kontinġent li kien jinvolvi wkoll xi żgħażagħ bi preparazzjoni għal erba’ snin oħra meta l-Logħob isiru f’pajjiżna. Minkejja dan, hu qal li r-riżultat seta’ kien aħjar minħabba xi opportunitajiet falluti u sfortuna.
Paul Sultana li kien Chef de Mission fil-Montenegro, qal li kien hemm xi problemi loġistiċi fosthom xi postijiet fejn saru l-Logħob li ma kinux ta’ livell għoli. Hu żied li l-Villaġġ tal-Atleti kien tajjeb anki jekk kien hemm xi atleti li kellhom xi problemi dwar l-ikel. Sultana faħħar ħafna l-professjonalità tal-atleti fejn ikkonferma li ma kien hemm l-ebda problema minn dan l-aspett. Hu rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut biex il-parteċipazzjoni kienet possibbli.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello ammetta li jafu li r-riżultat seta’ kien aħjar iżda wissa li għad fadal ħafna xogħol jsir biex f’termini ta’ atleti, Malta tkun preparata għall-edizzjoni ta’ erba’ snin oħra li jsiru f’pajjiżna. Pace Bonello qal ukoll li r-rapport tekniku sar u kien preżentat lill-Kumitat Eżekuttiv u ma għandux problema li jkun ippubblikat wara li jkunu kompluti wkoll xi rapporti mill-federazzjonijiet sportivi.
Għalkemm ir-riżultat jitqies sodisfaċenti, kien hemm diversi diżappunti. Fost dawn kien hemm in-nuqqas ta’ midalja ta’ xi tim tal-basketball. Sultana li hu wkoll President tal-Malta Basketball Association, kien dirett fi kliemu u qal li “nista’ nġib ħafna skużi imma diżappuntat.” Hu saħaq li ma kinux preparati kif suppost u personalment stenna tal-anqas żewġ midalji tal-bronż.
Hu ammetta li t-timijiet ma kinux magħqudin kif suppost, bit-tim tal-irġiel kien kollu flimkien jumejn biss qabel ħallew pajjiżna, minħabba li hemm xi plejers li jilagħbu barra l-pajjiż. Hu żied li t-tim tan-nisa nbidel ukoll u ġew introdotti xi plejers żgħażagħ. Aktar minn hekk mit-tim li sentejn ilu kiseb il-midalja tad-deheb, kien hemm tliet plejers importanti neqsin.
Sport li ma wassalx għall-ebda midalja kien it-table tennis li l-maġġoranza tal-plejers kienu żgħażagħ. Pace Bonello sostna li hu kruċjali li jinġiebu plejers Ċiniżi biex iħarrġu l-plejers Maltin fl-iskejjel u l-klabbs u jekk ikun hemm possibbiltà jkunu eliġibbli għal erba’ snin oħra.
Atleta li naqset li tirbaħ il-midalji kienet Charlotte Wingfield, b’Ivan Balzan jgħid li hi kienet ġejja minn sena ta’ injuries iżda sostna li s-saħħa tagħha għadha u se jkomplu jinvestu fiha. Atleta li spikka żgur kien Jordan Gusman.
Is-Segretarju Ġenerali tal-KOM Joe Cassar ikkonferma li l-Assoċjazzjoni tal-Atletika Awstraljana u l-Kumitat Olimpiku Awstraljan irrilaxxaw lil Gusman u għalhekk jinsab liberu li jikkompeti għal Malta.
Hu rnexxielu jikkwalifika bil-ħin tiegħu għall-Kampjonat tad-Dinja f’Doha fi ftit aktar minn tliet xhur oħra, iżda Cassar żied li jkollu l-permess li jikkompeti għal pajjiżna wara li jiltaqa’ l-Bord tal-IAAF li ma jiltaqax spiss. Kemm Gusman kif ukoll il-Malti-Awstraljan l-ieħor Damien Mizzi se jkunu f’pajjiżna l-ġimgħa d-dieħla biex jitħarrġu mal-atleti Malti bi preparazzjoni għall-impenji ta’ Malta li għall-ewwel darba se tikkompeti fil-Kampjonat Ewropew tat-Tieni Diviżjoni fil-Kroazja f’Awwissu li ġej.
//= $special ?>