Futbol Sport

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA mhix rikonoxxuta mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA

Tkompli s-saga bejn il-Malta Football Association u l-Malta Football Referees Association hekk kif il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA kkonferma li l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA li saret fit-3 ta’ Ġunju mhix rikonoxxuta mill-MFA wara li ltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv l-Erbgħa li għadda.

L-Eżekuttiv qabel unanimament li jinħatar Bord ta’ Verifika magħmul minn tliet persuni li jkunu approvati mill-istess Eżekuttiv. Xogħol dan il-Bord se jkun li jisma’ l-partijiet konċernati u jitlob dokumentazzjoni biex jivverifika żewġ affarijiet.

Dawn huma jekk il-Kumitat tal-MFRA kienx korrett li jeskludi numru ta’ membri milli jikkontestaw għal xi kariga jew jivvutaw fil-Laqgħa Ġenerali u li tkun stabbilita l-eliġibbiltà tal-membri tal-MFRA li jipparteċipaw fil-LĠA, jiġifieri min għandu dritt jattendi, jivvota u jikkontesta kariga.

F’din l-ittra mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti lill-MFRA, intqal li ladarba jsiru dawn iż-żewġ verifiki, l-MFRA tkun f’pożizzjoni li tiftaħ in-nomini u ssejjaħ il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

L-Eżekuttiv tal-MFA kkonċeda estensjoni taż-żmien li għandha ssir il-Laqgħa Ġenerali ta’ Assoċjazzjoni Membru taħt l-Artiklu 117 tal-Istatut tal-MFA. Fl-ittra Chetcuti appella lir-rappreżentanti tal-MFRA għall-istaġun 2018/19 biex jikkoperaw kif mitlub minn dan il-Bord tal-Verifika li qed jintalab jirrapporta sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Ġunju. L-eventwali Laqgħa Ġenerali tal-MFRA ssir it-Tlieta 25 ta’ Ġunju.

Il-ġimgħa l-oħra, l-MFRA organizzat konferenza stampa biex tagħti l-verżjoni tagħha wara li organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali minkejja li kienet mitluba mill-MFA biex ma tagħmilx dan. Emmanuel Zammit li kien elett President tal-MFRA fil-laqgħa tat-3 ta’ Ġunju qal li l-MFA ma kelliex dritt li twaqqafhom mil-Laqgħa Ġenerali Annwali.