Dak li kien għalliem tad-drama, li llum għandu 29 sena ġie kundannat 20 sena u sitt xhur ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri llum quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Erin Tanti ammetta l-omiċidju ta’ studenta tiegħu, li kellha biss 15-il sena.
Tanti deher kalm fl-awla numru 25 tal-Qorti Kriminali hekk kif sema’ se jiġri mill-futur tiegħu. Ma’ tmiem il-verdett in-nannu tal-vittma, li flimkien ma’ numru kbir ta’ familjari tagħha, għadd ta’ Pulizija, avukati u membri tal-pubblika, deher kommoss ħafna, u nfexx f’tgħajjira lejn Tanti, bil-Pulizija jkollha tintervjenti biex tikkalma s-sitwazzjoni, għax anke deher riesaq fil-viċinanzi tal-ex għalliem.

Tanti, ammetta, s-sitt Kapi ta’ Akkuża li kellu fil-konfront tiegħu, dik wkoll li lill-vittma, Lisa Maria Zahra, assisstieha sabiex tagħmel suwiċidju. Dan wara li t-tnejn li huma kienu nstabu taħt l-irdum f’Ħad Dingli, limiti tar-Rabat, fid-19 ta’ Marzu tal-2014.
Tanti ammetta li bejn it-18 u d-19 ta’ Marzu tas-sena 2014, bil-ħsieb li joqtol lil Lisa Marie Zahra ta’ 15-il sena, kkaġunalha l-mewt, kif ukoll li ġegħilha tiddeċdiedi li toqtol ruħha b’idejha jew taha xi għajnuna biex l-istess suwiċidju jseħħ.
Erin Tanti ammetta wkoll li kkorrompa lit-tfajla meta kien fdat biex jieħu ħsiebha u jedukaha, li kellu x’jaqsam sesswalment magħha meta kienet persuna vulnerabbli u huwa kellu pożizzjoni ta’ fiduċja, kif ukoll li kellu materjal indiċenti ta’ persuna taħt l-età.
Ammetta wkoll li qabel id-19 ta’ Marzu 2014, bħala għalliem u edukatur tagħha, ħa ħsiebha u li dejjem qies il-vulnerabbilita’ tagħha bħala studenta tiegħu, u li għalhekk bħala uffiċjal pubbliku kellu jara li jieħu ħsiebha bl-aħjar mod.
Tanti ammetta l-akkużi wara li kien hemm dak li jissejjaħ patteġġament bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża, li jfisser li ż-żewġ partijiet għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar kemm għandha tkun il-piena u li din tkun maqbula mal-ġudikant għax trid tkun skont il-parametri tal-liġi.
L-akkużi li kellu fuqu Tanti kienu jfissru massimu ta’ għomor il-ħabs fuq omiċidiju u anke 40 sena ħabs fuq materjal indiċenti u li kellu relazzjoni sesswali mal-vittma, taħt l-eta’ ta’ 16-il sena.
Fil-25 ta’ Ġunju tal-2015, Tanti kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000, wara kważi 15-il xahar arrestat. Fl-2017, il-Qorti kienet ċaħdet diversi eċċezzjonijiet mitluba minn Tanti meta talab li jsiru diversi emendi fl-akkużi fil-konfront tiegħu dwar il-mewt ta’ Zahra għax fi kliemu l-akkużi kienu drammatiċi żżejjed u kien fihom diversi ineżattezzi.
Lisa Marie Zahra kienet waqgħet 13-il sular (32 metru) għal isfel mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u tilfet ħajjitha fil-post. 42 metru bogħod minnha kien instab Erin Tanti ħaj.
Mill-awtopsja kien rriżulta li Lisa Marie kellha ksur ma’ ġisimha kollu u daqqa kbira f’rasha. Mill-kumpilazzjoni kien ħareġ ukoll li Erin Tanti, meta tkellmu miegħu l-Pulizija, dejjem qal li huwa ma qatilx lil Lisa Marie Zahra. Kien ħareġ li Erin kien qal li hu u l-vittma belgħu l-aspirina u l-whisky, iżda dawn ma ħadmux u meta kienu fit-tarf tal-irdum u reġa’ staqsiha jekk hiex ċerta qaltlu biex ma jkunx beżżiegħ u qabżet.
Tanti kien qal li kien dlonk qabeż warajha iżda baqa’ ħaj. Mill-kumpilazzjoni ħareġ ukoll li l-ħsieb oriġinali tal-akkużat, kien li jwaqqaf ir-releazjoni ta’ bejnithom ħesrem u jitlaq mill-pajjiż biex ma jiġix arrestat għax kien qed joħroġ ma’ minuri.
Fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni kien ħareġ li Tanti kien qal lil pulizija li hu ma qatilx lil Zahra. L-Ispettur Josric Mifsud li kien ukoll parti mit-tim tal-investigazzjoni dwar dan il-każ kien xehed fil-kumpilazzjoni fejn qal li hu kien għamel tfittxijiet fid-dar ta’ Lisa Marie u fil-karozza ta’ Erin Tanti.
Fil-karozza instabu €2,470 filwaqt li fil-ġakketta tiegħu li nstabet viċin il-kadavru ta’ Lisa Marie kien hemm il-passaport ta’ Erin li fih kellu biljetti tal-ajru antiki.Zahra, kien qal li kellu dawn il-flus u l-passaporti fuqu għax il-ħsieb oriġinali kien li jwaqqaf ħesrem ir-relazzjoni ta’ bejnu u bejn Lisa Marie u jaħrab mill-pajjiż. Dan qabel mal-pulizija jarrestawh għax kien qed joħroġ ma’ minuri. Dan kien se jagħmlu minkejja li kien iħobbha.
Tanti ġie ordnat ukoll iħallas 22,700 ewro fi spejjeż tal-Qorti u li f’każ li ma jitħallsux jiġi konvertit f’ħabs.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia, minn naħa tal-Pulizija, fil-kors tal-kumpilazzjoni tmexxiet minn l-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li għall-akkużat deheru l-Avukati Michael u Lucio Scriha. L-Avukati Giannella de Marco, Stephen Tonna Lowell u Joe Gilgio deheru bħala parte civile fil-każ.