F’pajjiżna, illum tlaqqa’ s-Summit għall-Mexxejja tal-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa, bis-setturi tal-immigrazzjoni, is-sigurtà u l-kontinent Afrikan l-aktar li ddomina l-aġenda.
Għas-Summit, immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, attendew il-President Franċiż Emanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-Prim Ministru Grieg Antonio Tsipras, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, il-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa u l-President tar-Repubblika Ċiprijotta Nicos Anastasiades.
Madankollu, dan is-Summit kien imtappan minn żewġ protesti fit-toroq madwar il-Berġa ta’ Kastilja.
Fi protesta minnhom, spikkat l-għajta favur is-Saltna tad-Dritt u l-appell lill-Mexxejja Ewropej biex iħarsu aktar lejn is-sitwazzjoni ta’ Malta. Għajtu wkoll “Korruzzjoni” u messaġġi oħra dwar il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri jinsabu taħt Inkjesta, iżda xorta viċin il-Prim Ministru.
B’messaġġi oħra bħal “Mafia State”, id-dimostranti aktar għajtu appena s-seba’ Mexxejja ħarġu mill-Berġa ta’ Kastilja biex jindirizzaw lill-media. Fil-fatt, Muscat deher skomdu bl-għajjat tad-dimostranti preżenti waqt l-interventi tal-Mexxejja l-oħra.
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, li ma kinitx tinkludi mistoqsijiet, suppost il-Mexxejja kellhom jagħtu kummenti lill-media f’żona speċifika. Madankollu, il-Mexxejja qabdu u telqu mill-post, isegwu lil Muscat li wkoll ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet.
U fi protesta oħra, fil-bidu tas-Summit, grupp żgħir ta’ tfajliet żammew banners f’idejhom b’messaġġi favur l-abort. Huma bdew jgħidu li minħabba li f’pajjiżna l-Abort hu illegali, ġuf il-mara qed jispiċċa biss bħala inkubatur.
//= $special ?>