Lokali

Jingħata rikonoxximent lid-donaturi tad-demm

Il-Ġimgħa filgħaxija saret ċerimonja fejn ngħata ħajr lil 17-il donatur tad-Demm, 10 nisa u 7 irġiel, mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali tal-Verdala, il-Buskett.

“Kieku ma kienx hemm id-demm tagħkom, kieku jien m’għadnix hawn”. Kliem Christine Grixti, li permezz tal-għoti tad-demm, irnexxileha tgħaddi minn operazzjoni fejn ngħatat qalb ġdida u reġgħet bdiet tgħix mill-ġdid.

Ngħataw ukoll testimonjanzi qawwija minn individwi li bbenefikaw bil-kbir mit-trasfużjonijiet tad-demm. Fosthom Kenneth Frendo, missier Jerome li tilef il-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer madwar sentejn ilu.

Tkellem ukoll is-Surġent Simon Schembri, fejn saħaq dwar kemm kien kruċjali għalih li wara l-inċident li għadda minnu, sab biżżejjed demm. Huwa qal li mingħajr id-donaturi tad-demm, l-isptar ma jkunx jista jimxi.

Susanne Bonnici ilha tagħti d-demm għal 24 sena. Hija tkellmet dwar kemm hu importanti li wieħed jagħti d-demm. Martin Bugelli ilu donatur tad-demm għal diversi snin…fil-fatt ta mal- 20 donazzjoni ta’ demm, u 70 donazzjoni tal-pjastrini, liema tip ta’ donazzjoni titqies bħala 2 donazzjonijiet. Dan għall-fatt li proċess biex tingħata din it-tip ta’donazzjoni jieħu ħafna iktar fit-tul, u normalment f’dan il-każ donatur jagħti doża doppja li jwassal biex jintlew 2 boroż.

F’indirizz lil dawk preżenti, il-President George Vella radd ħajr lil dawn id-donaturi, deskritti minnu bħala eroj ta’ żminijietna, li ddistingwew lilhom nfushom minn oħrajn għall-atti nobbli t’altruiżmu. Il-qofol ta’ din l-attività kien sabiex dawn id-donaturi tad-demm iservu ta’ mudell għal oħrajn li għad iridu jibdew jagħtu, u lil dawk li diġa’ jagħtu jixprunawhom biex ikomplu jkunu ta’ servizz u ta’ tama għall-morda.