JIl-Qorti Kostituzzjonali appuntat l-appell dwar l-inkjesta Egrant li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għal 10 t’ijiem oħra. Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschier appuntatu għal 24 ta’ Ġunju li ġej.
Dan wara li l-Qorti, f’digriet li tagħat ċaħdet it-talba biex l-imsemmi appell jinstema’ b’urġenza. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiġġieled dan il-każ fil-Qorti biex jingħata aċċess għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant bħalma għandhom il-Prim Ministru u esponenti oħrajn tal-Partit Laburista.
Minkejja li l-Avukat Ġenerali qed jopponi kull talba li qed isir minn naħa ta’ Adrian Delia, u dan biex il-poplu wkoll ikun jaf x’fih ir-rapport intier Egrant, għax f’pajjiż demokratiku, hekk isiru l-affarijiet, l-Avukat Ġenerali qed ikompli jinsisti li dan il-proċess m’għandux għalfejn ikun wieħed mgħaġġel.
Anke jekk il-Qorti ċaħdet it-talba biex l-appell jinstema’ b’urġenza, l-fatt li dan se jinstema’ fil-jiem li ġejjin, huwa fatt li minnu nniffsu l-appell huwa wieħed ta’ ċerta portata, u li għandu jinstema’ mingħajr dewmien żejjed.
Ħafna dewmien isarraf f’aktar żmien ta’ inġustizzja u diskriminazzjoni kontra l-Oppożizzjoni u l-poplu Malti u minkejja li l-liġi tal-urġenza tagħat raġun din id-darba lill-Avukat Ġenerali li baqa’ jopponi li Adrian Delia jingħata kopja sħiħa tar-Rapport, il-każ dalwaqt se jinstema’.
Min-naħa l-oħra, fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew kompla jirriżulta li aktar esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista għandhom kopja tar-Rapport sħiħ.
Fost l-oħrajn, il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi – li m’huma involuti bl-ebda mod fir-rapport dwar il-kumpanija Egrant – li f’kawża separata, ikkwotaw siltiet mir-rapport tal-Inkjesta li s’issa għadhom qed jinżammu mistura.
Dwar dan anke l-Għaqda mhux Governattiva Repubblika fetħet kawża fil-Qorti biex tara kif dan ir-rapport jinsab għand il-Ministri msemmija, meta mhux suppost. Min-naħa tagħhom, l-Avukati Vincent Galea u Andre Portelli, li qed jidhru għal Adrian Delia, għalkemm qed ibaxxu rashom għad-deċiżjoni tal-Qorti, l-fatt li xorta waħda se jinstema’ dalwaqt, huwa fatt pożittiv.