Internazzjonali

L-Istati Uniti takkuża lill-Iran b’attakki fuq żewġ tankers taż-żejt

L-Istati Uniti qed issostni li l-Iran hija responsabbli għall-attakki fuq żewġ tankers taż-żejt fil-Golf tal-Oman. Xi ħaġa li l-Iran qed jiċħad kategorikament.

Is-Segretarju tal-Istat Mike Pompeo ta l-ħtija lill-Iran għal dawn l-attakki bla provokazzjoni.

Hu qal li l-Istati Uniti għamlet l-istħarriġ tagħha abbażi ta’ informazjoni dwar l-armi użati waqt dan l-attakk.

Iżda l-Iran qed ikompli jiċħad dawn l-akkużi u sejħilhom bla bażi. Uffiċjal għoli Iranjan stqarr li l-Iran m’għandu l-ebda rabta mal-isplużjonijiet.

Għexieren ta’ membri tal-ekwipaġġ ġew evakwati wara l-isplużjonijiet fuq it-tankers li huma wieħed ta’ kumpanija Ġappuniża u l-ieħor ta’ kumpanija Norveġiża.

Minkejja stqarrija tal-grupp Iranjan fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti fejn ċaħdu dawn l-akkużi, il-Militar Amerikan ħareġ filmati li qed jgħid juri Gwardji Iranjani jneħħu splussiv li ma ħax minn mal-ġenb ta’ wieħed mit-tankers wara li seħħu isplużjonijiet.