L-Italja u l-Ingilterra assiguraw posthom mal-aħħar 16 wara li kisbu t-tieni rebħa minn żewġ logħbiet fil-grupp tagħhom. It-Taljani ftit sabu diffikultà biex rebħu 5-0 kontra l-Ġamajka. Protagonista kienet il-plejer ta’ Juventus Cristiana Girelli li skorjat tripletta.
Hi fetħet l-iskor wara 12-il minuta minn penalty li kellu jerġa’ jingħata wara li l-gowlkiper Sydney Schneider salvat l-ewwel penalty iżda kienet ħarġet qabel mil-linja. Hi rduppjat fil-25 minuta b’konklużjoni mill-viċin biex mal-ftuħ tat-tieni taqsima għalqet il-logħba b’daqqa ta’ ras.
Il-Ġamajka pruvat tidħol fil-logħba iżda sofriet ir-raba’ gowl fil-71 minuta meta s-sostitut Aurora Galli skorjat ġmiel ta’ gowl b’xutt minn madwar 25 metru, bl-istess plejer iżid ieħor għaxar minuti wara meta baqgħet kalma wara li rċeviet ballun fit-tul u qabżet lill-gowlkiper avversarja biex skorjat il-ħames gowl.
L-Ingilterra kellha logħba aktar diffiċli iżda rnexxielha tikseb rebħa importanti ta’ 1-0 kontra l-Arġentina. L-Ingliżi fallew penalty fl-ewwel taqsima meta x-xutt ta’ Nikita Parris kien salvat minn Vanina Correa. Il-gowlkiper tal-Arġentina ċaħħdet ukoll lil Beth Mead, Parris u Jodie Taylor, iżda ma setgħet tagħmel xejn fil-61 minuta meta Taylor kompliet għal ġewwa wara kross ta’ Mead u skorjat l-ewwel gowl f’14-il xahar.
Huma jirbħu l-grupp bi draw kontra l-Ġappun li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra l-Iskozja. Il-Ġappuniżi ddominaw il-logħba u fetħu l-iskor wara 23 minuta b’xutt potenti ta’ Mana Iwabuchi. L-iskor sar 2-0 fis-37 minuta meta Rachel Corsie waqqgħet lil Yuika Sugasawa, bl-istess plejer tiskorja mill-penalty.
L-Iskozja naqqset id-distakk fit-88 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Lana Clelland iżda ma kienx għad fadal ħin biżżejjed biex huma jippruvaw jiksbu xi ħaġa. L-unika tama għall-Iskozja biex tikkwalifika hi li tirbaħ kontra l-Arġentina fl-aħħar logħba u tittama li tkun waħda mill-aqwa erba’ nazzjonijiet li jkunu spiċċaw it-tielet.
Tazza tad-Dinja
Grupp Ċ: Ġamajka v Italja 0-5
Grupp D: Ġappun v Skozja 2-1, Ingilterra v Arġentina 1-0
Logħob li jmiss
Grupp E:Olanda v Kamerun 3.00pm, Kanada v New Zealand 9.00pm
//= $special ?>