Futbol Sport

Lampard favorit li jieħu post Sarri bħala manager ta’ Chelsea

L-eks plejer internazzjonali Ingliż Frank Lampard hu l-favorit li jieħu post Maurizio Sarri bħala manager ta’ Chelsea. It-Taljan jinsab qrib l-uffiċjalità li jinħatar kowċ ta’ Juventus wara li l-Ħamis filgħaxija ġie rrappurtat li ż-żewġ klabbs laħqu ftehim.

Jidher li Chelsea mhux se jħabbru uffiċjalment it-tluq ta’ Sarri sakemm ma jkunux sabu s-sostitut tiegħu. Lampard bħalissa jinsab imexxi lil Derby fiċ-Championship u mistennija jitolbu madwar €5 miljuni kumpens jekk Chelsea jiddeċiedu li jaħtru lill-eks plejer tagħhom. Fost il-kowċis li kienu qed jissemmew li setgħu jsiru manager ta’ Chelsea kien hemm l-eks kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri iżda dan tal-aħħar ħabbar li se jkun qed jieħu sena pawża.

Lampard għad fadallu sentejn kuntratt u għalkemm jidher li jkun diffiċli biex jirrifjuta lil Chelsea jekk issirlu offerta, għandu rispett lejn il-partitarji u s-sid ta’ Derby Mel Morris li kien il-persuna l itah l-ewwel esperjenza bħala manager. Lampard kellu staġun pożittiv fit-tmexxija ta’ Derby hekk kif wassal lit-tim sal-finali tal-play-off għall-promozzjoni fil-Premier League iżda kienu megħluba 2-1 kontra Aston Villa.

Bħalissa hemm possibbiltà qawwija li Chelsea jkollhom sospensjoni għal żewġt iswieq tat-trasferimenti. Chelsea appellaw is-sospensjoni imposta mill-FIFA lill-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport. Jekk jinħatar Lampard ikun hemm ir-ritorn ukoll tal-assistent ta’ Derby Jody Morris, persuna li jifhem is-settur taż-żgħażagħ tal-klabb minħabba li kien kowċ ta’ Chelsea f’dawn il-livelli.

Jekk Chelsea jaħtru lil Lampard, hu jsir l-ewwel manager Ingliż li jieħu t-tmexxija tal-klabb wara 23 sena. Bħala plejer, Lampard lagħab għal 13-il sena ma’ Chelsea u magħhom rebaħ tliet darbiet il-Premier League, erba’ darbiet l-FA Cup, darbtejn il-League Cup, l-Europa League u ċ-Champions League kif ukoll sar l-aqwa skorer tal-klabb minkejja li kien jilgħab bħala midfielder.