Lokali

MALTA AIR – Aktar mistoqsijiet milli tweġibiet

Tkompli titwal il-lista ta’ mistoqsijiet marbuta mal-linja tal-ajru l-ġdida Malta Air.

Dan hekk kif fost ħafna misteri oħrajn, mhux magħruf min se jkun qed jagħti s-servizz ta’ ground handling lil din il-linja l-ġdida.

Il-kumpanija AviaServ li tieħu ħsieb is-servizz tal-ground handling ta’ għadd ta’ linji tal-ajru li joperaw minn pajjiżna sa issa ma ġietx mitluba s-servizzi tagħha għall-Malta Air.

L-AviaServ filfatt toffri dan is-servizz lil għadd ta’ linji tal-ajru fosthom ir-Ryanair, li se jkunu qed joperaw dan is-servizz il-ġdid. Madankollu – sa issa – ma ġewx ingaġġati biex jagħtu dan is-servizz lil Malta Air u mhux magħruf min se jkun qed jagħti dan is-servizz.

Din hi biss mistoqsija waħda li qed jagħmlu ħafna. Dan minbarra t-tħassib kbir tal-ħaddiema tal-Air Malta li minkejja li l-Ministru Konrad Mizzi pprova jserħilhom rashom li l-kumpanija Nazzjonali mhux se tintlaqat b’mod negattiv bl-introduzzjoni ta’ din il-linja, huma mhumiex isibu komfort. Dan anke fid-dawl tal-kummenti ta’ Michael O’Leary, CEO ta’ Ryanair, li meta ġie mistoqsji jekk jistax jiggarantixxi li l-Malta Air ma tnaqqasx mis-saħħa tal-Air Malta. wieġeb li garanziji ma jistgħu jingħataw qatt.

Malta Air mistennija topera 62 rotta minn pajjiżna, x’aktarx l-istess rotot li diġa qed topera r-Ryanair.