M’hemmx x’tibża’ meta tmur tagħti d-demm … kulma tħoss tingiża żgħira u mill-bqija l-proċess hu kollu f’idejn l-infermieri u l-kumplament tat-tim professjonali tal-Bank tad-Demm. Anzi, għandek titħajjar iżżur iċ-Ċentru fil-Pjazza ta’ barra l-Isptar San Luqa u tieħu lill-qraba jew ħbieb miegħek.
Dan kien il-messaġġ li wassal Angelo Degiorgio, responsabbli miċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm, meta llum qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Angelo Degiorgio qal li biex wieħed jagħti d-demm, m’għandux għalfejn jistenna li xi qarib jew ħabib ikollu bżonn id-demm.
Tal-istess idea d-donaturi li aċċettaw li jitkellmu ma’ NET News, u li qasmu magħna s-sensazzjoni sabiħa li jħoss individwu meta jagħti d-demm. Għalkemm qatt mhu biżżejjed, fortunatament, id-donaturi ma jonqusx, fosthom anke persuni li jħossu li għandhom ikomplu b’din il-proċedura b’mod rgolari.
Iċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ kuljum – mit-Tnejn sal-Ħadd – mit-8am sas-6pm, Festi inklużi. Importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.