Hekk kif ilbieraħ pajjiżna stenbaħ għall-aħbar ta’ inċident ieħor ikkawżat minn xogħol ta’ tħaffir f’sit ta’ kostruzzjoni fi Gwardamanga, dalgħodu kompliet għaddejja ħidma mill-protezzjoni ċivili fil-post.
Dan hekk kif ir-residenti ta’ din il-binja dalgħodu kienu għadhom barra fit-triq faċċata tar-residenzi tagħhom, anzjużi jistennew x’se jiġri minnhom u fejn se jmorru joqogħdu.

Matul il-lejl huma marru f’lukanda, iżda dalgħodu reġgħu spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Huma setgħu biss jidħlu fir-residenza tagħhom għal ftit ħin, wieħed wieħed, biex ikunu jistgħu joħorġu affarijiet bażiċi fosthom ħwejjeġ u mediċina.

Mument emozzjonanti għal waħda mir-residenti kien meta ġie salvat qattus li kien għadu maqbud fil-binja mill-bieraħ. Wieħed mal-ewwel seta’ jinnota l-ferħ fuq wiċċ din il-mara hekk kif setgħet terġa’ tingħaqad mal-qattus tagħha.
Janet Walker u oħtha Stephanie, aħwa residenti f’din il-binja, stqarrew magħna li rnexxielhom joħorġu l-libsa tal-Preċett tat-tifla ta’ Stephanie hekk kif nhar il-Ħadd li ġej se tiċċelebra l-Ewwel Tqarbina. Kienu diversi l-Maltin li meta lbieraħ semgħu l-aħbar li t-tifla spiċċat mingħajr libsa, offrewlhom libsa tal-Preċett.
