Internazzjonali

New Zealand: ‘Mhux ħati’ għall-massakri fi Christchurch

Is-suspettat ewlieni li qed iwieġeb dwar il-massakri ta’ Marzu fil-moskej ta’ Christchurch qal li mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu.

Brenton Tarrant, ta’ nisel Awstraljan, qed ikun akkużat bl-omiċidju ta’ 51 persuna waqt li qed jiffaċċja 40 akkuża ta’ attentat ta’ qtil u akkuża oħra ta’ terroriżmu b’konnessjoni mal-massakri. Il-qtil fil-moskej, li seħħ fil-15 ta’Marzu, jibqa’ ‘l-agħar reat qattiel fuq livell tal-massa’ fi New Zealand waqt żmenijiet ta’ paċi — u meta din hi anki l-ewwel darba li qatt tressqet akkuża speċifika dwar terroriżmu f’dan il-pajjiż.

Iċ-ċaħda tal-ħtija minn Tarrant, li għandu 28 sena, inqrat mill-avukat tiegħu waqt li l-imputat kien qed jidher permezz ta’ video link mill-ħabs fejn qed jinżamm.

Fl-attakki tal-15 ta’ Marzu, raġel armat fetaħ in-nar fuq gruppi ta’ Musulmani li kienu qed jitolbu — b’Tarrant, wara, jispiċċa arrestat għall-allegat sehem fl-isparaturi fil-moskea ta’ Al Noor u ċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Linwood ( it-tnejn fi Christchurch).

F’dak il-jum – imfisser bħala l-aktar ġurnata sewda għal New Zealand – Brenton Tarrant, allegatament, spara bl-aktar mod indiskriminattiv fuq l-irġiel, nisa u tfal Musulmani li nzertaw quddiemu u bl-azzjonijiet ikunu reġistrati fuq kamera li kienet imwaħħla fuq kappell li kien liebes l-aggressur.

Iċ-ċaħda tal-ħtija minn Tarrant, intant, emozzjonat ħafna lill-qraba tal-vittmi tal-massakri li kienu preżenti għas-smigħ fil-qorti ta’ Christchurch.

Sadanittant, l-Imħallef ikkonferma li l-ġuri ta’ Brenton Tarrant se jibda fl-4 ta’ Mejju tal-2020 u li l-imputat se jinżamm taħt arrest sakemm isir smigħ għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-każ, fis-16 ta’ Awwissu li ġej.