Lokali

Regolamenti u proċeduri ġodda li b’mod serju jirregolaw l-industrija tal-kostruzzjoni – PN

Arkivji

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista juri s-solidarjetà mar-residenti kollha, kemm dawk involuti kif ukoll ma’ dawk kollha li qed isir xogħol ta’ skavar u demolizzjoni maġenb il-propjetà tagħhom, taqbel li permessi ta’ demolizzjoni u skavar għandhom jiġu sospiżi b’mod temporanju immedjatament.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija fejn tenna li sakemm jidħlu fis-seħħ regolamenti u proċeduri ġodda li b’mod serju, kkordinat u ħolistiku jirregolaw din l-industrija. Sfortunatament, dawn in-nuqqasijiet qegħdin jaffetwaw b’mod negattiv il-ħajja ta’ kuljum ta’ diversi residenti u fl-istess ħin siti ta’ kostruzzjoni mhux ikunu siguri għal dawk li l-ħobża ta’ kuljum tagħhom tiddependi minn dan ix-xogħol.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu wkoll u jara li barra li jkun hemm taħriġ kontinwu adegwat lil kull min hu involut f’dan is-settur, minn professjonisti sa ħaddiema tal-id, irid isir liċenzjar u ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu servizzi relatati mal-industrija kif ukoll jiġu mtejba l-prattiċi dwar l-immaniġjar u l-amministrazzjoni tas-siti tal-kostruzzjoni. Fl-istess ħin,  il-Gvern għandu jinvesti biex jiżdied l-għarfien u l-infurzar dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq is-siti tal-kostruzzjoni.

L-stqarrija, ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta taħdem id f’id mal-Gvern sabiex flimkien ma’ diversi stakeholders oħra involuti f’dan is-settur, jiġi mwaqqaf qafas ta’ regoli li jirregolaw darba għal dejjem l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll biex l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni titwaqqaf u tibda tiffunzjona b’mod tajjeb u effettiv.

Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà,Claudette Buttigieg, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin u Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura iffirmaw din l-istqarrija.