Lokali Saħħa

Ta’ 105 snin, tappella lil kulħadd biex jibqa’ bieżel

Għandha 105 snin u xorta għadha tagħmel il-faċendi fid-dar privata tal-anzjani fejn tgħix. Għax il-bżulija tħallik tajjeb f’kollox u hu importanti li tibqa’ attiva sal-aħħar żminijiet possibbli.

Hekk temmen u tgħix ħajjitha Giuseppa Sant, li flimkien mar-residenti l-oħra ta’ Roseville, iċċelebrat il-105 snin.

Imwielda fl-1914, Giuseppa rrakkontat kif inħarġet mill-iskola fl-età ta’ 14-il sena biex tgħin fl-għixien tal-10 ħutha, li kollha kienu iżgħar minnħa. Tħobb il-mużika klassika u minkejja li twaqqfet kmieni mill-Iskola, baqgħet tistudja sakemm bdiet taħdem bħala Skrivana u Tajpista.

Matul il-ftit ħin fil-kamra tagħha, stajna ninnutaw għadd sabiħ ta’ bukketti ta’ fjuri, fosthom wieħed tan-neputija Naomi mill-Awstralja, u t-telefon ma qata’ xejn b’nies jawgurawlha l-isbaħ xewqat. Fuq kollox tgħid li s-saħħa m’għandek titlaqha qatt, inkella tħallik hi.

U filwaqt li appellat biex kulħadd iħobb il-proxxmu tiegħu, bħalma dejjem għamlet hi, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li ta’ 105 snin għadha soda sal-lum.

Għal din l-okkażjoni, hi rċeviet ukoll żjara mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li b’idha f’idu spjegatlu kemm tara sbuħija fil-ħajja.

Min-naħa tiegħu, hu qal li laqgħa bħal din, fil-preżenza wkoll ta’ għadd ta’ anzjani oħra li joqgħodu fl-istess residenza, hi xhieda ta’ kemm hi importanti l-ħajja għax ittik is-saħħa u l-kuraġġ.