Edukazzjoni Lokali

“M’hemmx lok li għalliema barranin jiġu jgħallmu f’pajjiżna, għax din żgur mhux soluzzjoni”

M’hemmx lok li għalliema barranin jiġu jgħallmu f’pajjiżna, għax din żgur mhux soluzzjoni.

Hekk qalu l-Union tal-Għalliema, l-MUT, kif ukoll il-Union for Professional Educators f’reazzjoni għal mistoqsijiet li sarulhom mill-gazzetta l-Orizzont.

Minflok, huma appellaw biex ikun hemm aktar inċentivi biex aktar żgħażagħ jitħajru għal din il-professjoni.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal l-MUT dejjem saħqet li l-Ministeru għandu l-ewwel jeżawrixxi l-proposti kollha biex jattira ż-żgħażagħ lejn il-professjoni u jinċentiva għalliema biex jibqgħu fil-professjoni.

Huwa żied jgħid li qabel ma dan iseħħ, l-MUT mhix lesta li tiddiskuti l-possibbiltà li jiġu nġaggati għalliema barranin.

Graham Sansone mill-UPE qal li din se toħloq problema oħra għax l-għalliema jridu jikkomunikaw mat-tfal, u tfal fil-maġġoranza tagħhom huma l-aktar komdi li jikkomunikaw bil-Malti. Hawn staqsa, kif se jkunu jistgħu jgħallmu jekk dan iseħħ.

Sansone qal li bħala unjin huma kompletament kontra li jinġiebu għalliema barranin biex jgħallmu fl-iskejjel għal diversi raġunijiet. Sostna li minflok il-Gvern għandu joħloq inċentivi ġodda biex din il-professjoni tikber fil-popolarità, u mhux jinħolqu aktar sfidi.

Huwa qal li dan il-pass mhux soluzzjoni għall-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema li għandna.

Il-problema ta’ nuqqas ta’ edukaturi tant eskalat li bħalissa fl-iskejjel sekondarji se jsiru l-eżamijiet tal-Matematika u l-Malti b’karti tal-eżami li tħejjew u se jkunu kkoreġuti minn persuni li mhux l-għalliema tal-istess studenti.

Dan wara direttivi mill-MUT, f’sitwazzjoni simili għal dak li seħħ fl-eżamijiet taż nofs is-sena bil-konsegwenza li f’xi każi l-istudenti għamlu l-eżamijiet li kienu kkupjati mis-snin ta’ qabel.Matul din il-kwistjoni, il-Partit Nazzjonalista spiss appella biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis, għax hija r-responsabbilità tal-Ministru għall-Edukazzjoni li jara li l-istudenti kollha jingħataw edukazzjoni ta’ kwalità u li jistgħu jagħmlu l-eżamijiet kollha bl-aqwa livell biex jikkwalifikaw bl-aħjar mod.