Wara aktar minn 48 siegħa, u fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-kuntrattur, 18-il resident li spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom wara li xogħol bieb ma’ bieb ħoloq ħsara strutturali fl-appartamenti fejn joqgħodu, ingħataw residenza temporanja.
Kienet pressjoni fuq il-media li wasslet lill-Gvern biex joħroġ stqarrija fejn qal li nstabet l-akkomodazzjoni soċjali temporanja. Sa dak il-ħin, ir-residenti nżammew fl-għama u waħedhom, minkejja d-diversi appelli li għamlu, inkluż fuq ix-Xandir tal-Istat.
Tant li t-18-il resident milqut kellhom jiftehmu bejniethom u jqassmu l-ħinijiet biex jipproteġu dak li fadal. U mn’Alla kien hekk għax, f’ħin minnhom f’nofs ta’ lejl, kien innutat raġel iħares b’mod suspettuż lejn il-binja u jdur madwar id-diversi barrikati tal-Pulizija li hemm.
La l-kuntratur jew l-iżviluppatur, la l-Pulizija u l-ebda awtorità lokali oħra ma tawhom l-ebda forma ta’ għajnuna, ħlief ħlas għal residenza temporanja.
Kliem ir-residenti tal-blokka appartamenti fi Triq il-Mimosa, fi Gwardamanġa, li sbieħ il-Ħamis filgħodu ħassew il-bini tagħhom jitheżżeż wara li straħ fuq il-vojt kawża tax-xogħolijiet li qed isiru wara li waqgħet binja antika u minflokha tiela’ żvilupp ieħor.
Raymond, sid l-appartament ta’ isfel u li l-aktar intlaqat mill-ħsarat, spjega ma’ NET News kif waqt li kien fil-Kċina, ra roqgħa kbira ta’ dawl dieħla mill-ħajt fejn kien qed isir ix-xogħol. U fi ftit ħin, ra l-ħajt iċedi, bil-friġġ tibqa’ nofsha mdendla għal isfel u tagħmir ieħor tad-dar jispiċċa mirdum taħt it-terrapien.
Kien f’dan il-mument li avża lil dawk li joqgħodu fuqu b’dak li kien ġara, bil-persuni l-oħra jispiċċaw joħorġu mill-appartament tagħhom b’ta’ fuqhom senduqhom. Kienet għajnuna minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili l-għada, li wasslet biex dawn in-nies setgħu jiġbru ftit mill-oġġetti personali tagħhom, kemm ikollhom biex jinqdew.
Resident ieħor tal-istess blokka, Martin, qal lil NET News li għal diversi drabi, huma ġibdu l-attenzjoni tal-iżviluppatur li l-mod kif qed isir ix-xogħol bieb ma’ bieb qed jaffettwa l-propjetajiet tagħhom. U meta pereżempju, Raymond ġibidlu l-attenzjoni li l-fili tal-art qed jinfetħu, l-iżviluppatur kien jgħidlu li kulma għandu bżonn hu ftit grounding.
Hu appella wkoll biex il-Gvern joħloq Fond speċjali li jgħin li min, bħalhom, spiċċa mingħajr saqaf fuq rasu. Itennu li bħalma jiġu mgħejjuna setturi oħra tas-soċjetà, bl-istess mod għandhom jiġu mgħejjuna huma, issa li anke l-ekonomija tal-pajjiż suppost miexja ‘l quddiem.
Fuq kollox, ir-residenti miġbura fuq il-bankina faċċata tal-binja spjegaw kif ilbieraħ waranofsinhar, il-Pulizija li kien għassa mal-post telaq. Dan hekk kif mill-Għassa qalulhom li l-Inkjesta Maġisterjali issa ngħalqet u l-membru tal-Korp ma kellux għalfejn jibqa’ hemm.
Biss, wara li ċċekjaw, saru jafu li l-Inkjesta għadha mhix magħluqa u grazzi għall-pressjoni li għamlu, dalgħodu reġa’ beda jintbagħat membru tal-Korp għall-assistenza.
//= $special ?>