Lokali

Ivan Fenech jingħata l-aħħar tislima

Is-Sibt filgħodu, fir-Rotunda tal-Mosta, ingħatat l-aħħar tislima lil Ivan Fenech, kollega fil-midja u bniedem li għal snin ħadem fis-satira politika.

Ivan, ta’ 55 sena, ħassu ħażin waqt li kien fuq xogħolu l-Erbgħa. Hu ttieħed l-Isptar iżda, sfortunatament, tilef il-ġlieda għal ħajtu. Hu ħalla warajh lil martu Katrin u lil bintu Kyra.

Fl-omelija, l-Arċipriet Bastjan Caruana fisser lil Ivan bħala bniedem li dejjem fittex il-verità u t-triq tal-ħajja. Qal li issa t-tfittxija tiegħu hi kompluta għaliex sab lil Alla. Dan waqt li fissru bħala bniedem kuntent li kien jara kif se jferraħ ukoll lil ħaddieħor.

Ivan beda fil-ġurnaliżmu fis-snin tmenin u fl-istess snin, kien parti mit-tim ta’ Aħna Aħna jew M’Aħniex bħala parti mill-grupp magħruf bħala Tan-Numri. Lejn l-aħħar tas-snin 90, daħal jaħdem fl-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma emigra għal xi snin lejn il-Ġermanja.Fl-2013, hu rritorna Malta u reġa’ ngħaqad mal-kumplament tal-Kamra tal-Aħbarijiet tat-Times bħala Assistent Editur. Għall-aħħar tislima ta’ Fenech attendew diversi kollegi tiegħu, ħbieb, kif ukoll deputati, ħaddiema u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u ta’ MediaLink Communications.