Lokali

Matul il-lejl: Raġel suspettuż deher josserva l-binja li ġġarrfet

Għadhom waħedhom, minkejja li għaddew aktar minn 48 siegħa minn meta parti mill-binja tagħhom iġġarrfet kawża ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni li qed isiru bieb ma’ bieb.

Tant li r-residenti kellhom jiftehmu bejniethom u jqassmu l-ħinijiet biex jipproteġu dak li fadal. U mn’Alla kien hekk għax, f’ħin minnhom f’nofs ta’ lejl, kien innutat raġel iħares b’mod suspettuż lejn il-binja u jdur madwar id-diversi barrikati tal-Pulizija li hemm.

La l-kuntratur jew l-iżviluppatur, la l-Pulizija u lanqas l-ebda awtorità lokali oħra ma għadhom tawhom l-ebda forma ta’ għajnuna, ħlief ħlas għal residenza temporanja.

Kliem ir-residenti tal-blokka appartamenti fi Triq il-Mimosa, fi Gwardamanġa, li sbieħ il-Ħamis filgħodu ħassew il-bini tagħhom jitheżżeż wara li straħ fuq il-vojt kawża tax-xogħolijiet li qed isiru wara li waqgħet binja antika u minflokha tiela’ żvilupp ieħor.

Raymond, sid l-appartament ta’ isfel u li l-aktar intlaqat mill-ħsarat, spjega ma’ NET News kif waqt li kien fil-Kċina, ra roqgħa kbira ta’ dawl dieħla mill-ħajt fejn kien qed isir ix-xogħol. U fi ftit ħin, ra l-ħajt iċedi, bil-friġġ tibqa’ nofsha mdendla għal isfel u tagħmir ieħor tad-dar jispiċċa mirdum taħt it-terrapien.