Sport Sport Ieħor

Alonso jirbaħ il-Kampjonat Dinji Endurance għat-tieni darba fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Fernando Alonso reġa’ sar champion tad-dinja iżda tal-World Endurance Championship wara t-tieni rebħa konsekuttiva fil-Le Mans 24 Hours. L-aħħar kampjonat tal-Ispanjol wasal 13-il sena meta kien rebaħ it-tieni u l-aħħar titlu fil-Formula 1.

Alonso u sħabu ta’ Toyota Kazuki Nakajima u Sebastien Buemi kien destinati li jtemmu fit-tieni post meta kien għad fadal sagħtejn għat-tmiem tat-tellieqa prestiġjuża, iżda puncture doppju għall-karozza ta’ Kamui Kobayashi, Mike Conway u Jose Maria Lopez, xeqilbu l-miżien favur tagħhom. Toyota kisbu t-tieni doppjetta konsekuttiva, bit-tim Russu SMP Racing itemm it-tielet fejn fosthom hemm isuq magħhom l-eks sewwieq tal-Formula 1 Stoffel Vandoorne.

Wara li kienu fil-quċċata minn meta ngħatat id-dehra l-ġdida tal-istaġun f’Mejju tas-sena l-oħra, Alonso u sħabu rebħu l-kampjonat tas-sewwieqa b’vantaġġ ta’ 41 punt mit-tieni karozza Toyota. Buemi li hu eks sewwieq ta’ Toro Rosso hu rebbieħ darbtejn ta’ din il-kompetizzjoni wara li kien rebaħ fl-2014.

Alonso żamm l-aġenda mimlija minn meta ħalla l-Formula 1 wara 18-il sena. Hu flimkien ma’ sħabu rebħu l-aħħar tliet rawnds tal-istaġun tal-WEC filwaqt li Alonso rebaħ ukoll it-tellieqa Daytona 24 Hours f’Jannar li għadda. Iżda meta x-xahar li għadda rritorna fl-Indy 500 bit-tama li jagħmel it-tripletta fil-motorsport, l-Ispanjol ta’ 37 sena naqas li jikkwalifika.

Alonso diġà kkonferma li mhux se jikkompeti fl-istaġun tal-WEC meta jibda l-istaġun il-ġdid f’Settembru u l-pjanijiet għas-sena d-dieħla għadhom iridu jkunu magħrufa.