Kolp wieħed isegwi lill-ieħor mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi biex fl-iqsar żmien possibbli jirrendu lill-Air Malta mhux aktar operabbli u issa l-probabbiltà l-kbira hi li l-istess kumpanija nazzjonali tal-ajru se tispiċċa assorbita mill-kumpanija Malta Air li twaqqfet din il-ġimgħa bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Ryanair.
In-negozjati bejn il-Gvern Malti u r-Ryanair issa ilhom għaddejjin b’ħabi kbir għal dawn l-aħħar xhur bir-riżultat li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Prim Ministru u l-Ministru Mizzi, b’ħafna pompa, ħabbru dan il-ftehim mingħajr ma taw dettalji importanti li jinkludi dan il-ftehim.
Il-ħaddiema tal-Air Malta bir-raġun kollu huma inkwetati dwar il-futur mhux biss tagħhom bħala impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru, imma wkoll dwar il-futur tal-istess kumpanija Maltija li issa ilha taħdem għal aktar minn 45 sena.
Sorsi li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument qalulna li minflok mal-Gvern indirizza l-problemi veri li għandha l-Air Malta u jaħbi d-djun li qed tagħmel, qed ifittex modi ġodda kif jaħrab minn dawn il-problemi billi jitfa’ taħt it-tapit il-problemi dejjem jakkumulaw.
L-istess sorsi qalulna li hu għalhekk li l-Gvern qed ifittex li jbigħ partijiet mill-operat tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, filwaqt li issa daħal għal dan il-ftehim li jaħseb biex titwaqqaf f’pajjiżna kumpanija oħra tal-ajru bl-isem ta’ Malta Air fejn id-dehra se tkun bl-istess kuluri tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija u fejn anki fil-proġettazzjonijiet kollox jindika li se jkunu kkupjati l-karatteristiċi tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru.
Skont is-sorsi ta’ il-mument jirriżulta wkoll li l-iskop finali tal-Gvern hu li l-Air Malta tispiċċa tmut mewta naturali biex finalment tkun assorbita minn din il-kumpanija l-ġdida u hekk il-Gvern ma jibqax ikun iffaċċjat bi kritika dwar id-djun tal-Air Malta li se tkun qed tkompli takkumula fis-snin li ġejjin.
Dawk li tkellmu ma’ il-mument qalulna wkoll li kien interessanti kif fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kellha tkun il-kumpanija Ryanair li tħabbar uffiċjalment it-tnedija ta’ din il-kumpanija ġdida li se tkun qed tuża l-faċilitajiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta permezz ta’ flotta inizjali ta’ sitt ajruplani li eventwalment se jkunu qed jiżdiedu għal għaxra fi spazju ta’ tliet snin.
“Dan ifisser li minflok mal-Gvern Malti jinvesti fil-kumpanija Air Malta li hi kumpanija tal-poplu Malti, se jkun qed jidħol fi sħubija mal-kumpanija Ryanair biex ikabbar it-titjiriet minn u lejn pajjiżna permezz ta’ ajruplani terzi għall-Air Malta,” qalulna s-sorsi li tkellmu magħna.
L-istess sors qalilna wkoll li “tajjeb li wieħed japprezza kif il-kumpanija l-ġdida għandha proġettazzjoni li se tkun qed iġġorr mal-ħames miljun persuna fil-ħames snin li ġejjin… u allura dan is-suq mhux kollu misruq mill-Air Malta?”
Dawk li tkellmu ma’ il-mument osservaw ukoll li fit-tnedija ta’ din il-kumpanija l-ġdida sar enfasi kbir fuq l-investiment ta’ biljun dollaru f’Malta b’rabta ma’ Malta Air. “Aħna nagħtu l-benefiċċju tad-dubbju lill-Gvern Malti u nistaqsu kemm minn dawn il-biljun dollaru se jmorru biex jgħinu lill-Air Malta?”
//= $special ?>