L-Arġentina bdiet il-Copa America fuq nota negattiva hekk kif kienet megħluba 2-0 mill-Kolombja. Il-gowls deċiżivi waslu fl-aħħar għoxrin, f’dik li kienet l-ewwel rebħa Kolombjana fuq l-Arġentina fi 12-il sena.
Din it-telfa żgur ma kinitx dak li bdew jimmaġinaw l-Arġentini u dan ir-riżultat ikompli jpoġġi pressjoni fuqhom speċjalment fuq Lionel Messi li għadu jrid jirbaħ l-ewwel unur mat-tim nazzjonali. L-Arġentina waslet sal-finali fl-aħħar żewġ edizzjonijiet iżda tilfet fiż-żewġ okkażjonijiet kontra ċ-Ċili bil-penalties.
Leandro Paredes għal ftit ma skorjax fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt minn barra l-kaxxa li ħabat quddiem Ospina iżda spiċċa ftit barra, bl-istess plejer jerġa’ jipprova b’xutt b’saħħtu fid-59 minuta li Ospina blokka tajjeb. Il-logħba żiedet aktar fit-tensjoni ftit wara s-siegħa logħob b’daħla ta’ Juan Cuadrado fuq Lionel Messi li għaliha ġie muri l-karta s-safra, b’argument bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers.
It-tim ta’ Lionel Scaloni mar qrib il-gowl fis-66 minuta b’daqqa ta’ ras tad-difensur Nicolas Otamendi li kienet salvata fil-ħin mill-gowlkiper David Ospina, b’Messi jfalli t-tieni tentattiv bir-ras.
Il-Kolombja fetħet l-iskor ħames minuti wara bis-sostitut Roger Martinez ġibed għan-nofs u b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lil Franco Armani. L-Arġentina naqset li twettaq reazzjoni denja u saħansitra sofriet it-tieni gowl fis-86 minuta bi kross fil-baxx mix-xellug tas-sostitut Jefferson Lerma jsib lill-attakkant ta’ Atalanta Duvan Zapata li daħal tajjeb u għeleb lil Armani mill-viċin.
//= $special ?>