Lokali

Illum Jum Il-Missier

Jum il-Missier hu jum ta’ ċelebrazzjoni li jmur lura għas-sena 1508 – tradizzjoni li tikkumplimenta Jum l-Omm li kien ċelebrat ftit tal-ġimgħat ilu.

Jum li pero, ma jiġix ċelebrat fl-istess ġurnata madwar id-dinja kollha għaliex huma ħafna l-pajjiżi, fosthom l-Italja, li jiċċelebraw Jum il-Missier fid-19 ta’ Marzu, fil-festa ta’ San Ġużepp. Dan filwaqt li l-maġġoranza assoluta tad-Dinja tiċċelebra dan il-jum li jonora lill-missirijiet u jfakkar l-importanza tal-missirijiet fis-soċjeta’, fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju.

Interessanti l-fatt li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta ġew introdotti minn Frans Said li kien jipreżenta programmi tat-tfal fuq ir-radju, bl-ewwel darba li dan il-jum kien imsemmi f’pajjiżna jkun f’Ġunju tal-1977.

Fil-Palazz ta’ San Anton, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, saret quddiesa li għaliha attenda l-Eċċellenza tiegħu l-President ta’ Malta, George Vella flimkien mas-sinjura Vella. Il-quddiesa tmexxiet mill-Kappillan tal-Palazz tal-President Dun George Mangion.

Fl-omelijja tiegħu, Dun George tkellem dwar it-Trinita’ Qaddisa – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu – fejn stqar li dan il-misteru huwa wieħed ta’ għaqda ta’ mħabba fi tliet persuni li aħna ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

“Ejjew napprezzaw id-don tat-Trinita’” qal Dun George Mangion.

Dun George tkellem dwar l-importanza tal-missier fil-familja fejn anke rrefera għal San Ġużepp li kien persuna mportanti, bħala missier putattiv ta’ Ġesu’.

Il-Kappillan tal-Palazz tal-President semma’ wkoll l-importanza tal-familja u l-irwol tal-missier fiha f’dak li għandu x’jaqsam tagħlim tal-fidi fil-konfront tat-tfal; tagħlim li ma jiġix biss mill-kotba iżda mill-esperjenza ta’ kuljum. Hu kompla billi qal li dan il-post tal-missier fil-familja kien mogħti minn Alla.

Dun George tkellem ukoll dwar il-problemi tas-soċjeta’ u tal-pajjiż, u saħaq fuq l-importanza li f’mumenti ta’ diffikulta’, hu importanti li nduru lejn l-Ispirtu s-Santu biex jgħina nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet anke f’mumenti koroh fil-ħajja tagħna.