Sport Sport Ieħor

Keith ‘Speed’ Azzopardi rebbieħ fil-kategorija featherweight tal-World Kickboxing Network

Il-kickboxer professjonali Keith ‘Speed’ Azzopardi hu ċ-champion tad-dinja fil-kategorija Featherweight Full Contact wara s-Sibt filgħaxija f’Nice għeleb lill-Franċiż Pastorino waqt l-avveniment Full Contact Night imtella’ mill-World Kickboxing Network (WKN). Azzopardi ġġieled f’bout ta’ 12-il rawnd ta’ żewġ minuti kull wieħed fil-kategorija full contact rules. Dawn ir-regoli huma differenti minn kif imdorri jiġġieled Azzopardi, speċjalment kontra atleta b’ferm aktar esperjenza minnu f’dan it-tip ta’ ġlied.

L-atleta Malti beda b’ritmu tajjeb u wera biċ-ċar li se jagħmel ġlieda jattakka speċjalment b’numru sostanzjali ta’ spinning kicks li hu sinonimu għalihom. Għalkemm Pastorino kien pjuttost sod tul il-ġlieda kollha, spikkaw id-drabi fejn ir-referee suppost beda jgħodd sal-għaxra minħabba li l-istess atleta beda jsibha diffiċli jżomm fuq saqajh wara serje ta’ daqqiet mingħand Keith Azzopardi.

Ir-referee ħalla l-ġlieda għaddejja u kien hawn fejn Azzopardi reġa’ waqqa lil Pastorino, din id-darba bi spinning round house kick perfetta f’wiċċ il-Franċiż fil-bidu tar-raba’ rawnd. L-atleti komplew jiġġieldu l-bqija tar-rawnds, sakemm ir-rebħa tant mistħoqqa lil Azzopardi b’mod unanimu.

Azzopardi se jerġa’ jkun impenjat f’dan ix-xahar meta se jissielet għal titlu mondjali ieħor din id-darba fil-kategorija K1 is-Sibt 29 ta’ Ġunju waqt l-avveniment lokali Gladiators Fight Night XXIII fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.