L-Iżvezja għaddiet mal-aħħar 16 fit-Tazza tad-Dinja b’rebħa kbira ta’ 5-1 fuq it-Tajlandja. Wara li sofrew telfa rekord ta’ 13-0 kontra l-Istati Uniti, it-Tajlandja kienet aktar kompetittiva. Minkejja dan il-fatt, xorta ma setgħux ilaħħqu mas-superjorità teknika tal-avversarja.
L-Iżvediżi fetħu l-iskor wara sitt minuti b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Linda Sembrant, b’Kosovare Asllani tirdoppja fid-19-il minuta b’azzjoni personali, qabel Fridolina Rolfo għalqet il-logħba fit-42 minuta bit-tielet gowl wara xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa.
L-iskor kompla jikber fil-81 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Lina Hurtig. Mument ta’ ferħ għat-Tajlandiżi li rnexxielhom isibu x-xibka għall-ewwel darba fid-90 minuta b’konklużjoni b’saħħitha ta’ Kanjana Sung-Ngoen, gowl li ferraħ is-sezzjoni żgħira ta’ partitarji Tajlandiżi. Kien għad fadal ħin biex l-Iżvezja tiskorja l-ħames gowl wara li permezz tal-VAR ingħataw penalty li minnu Elin Rubensson ma żbaljatx.
L-Istati Uniti kisbu l-kwalifikazzjoni awtomatika wara li f’Pariġi għelbu liċ-Ċili 3-0 b’wirja oħra pożittiva. Huma fetħu l-iskor wara 11-il minuta mill-veteran Carli Lloyd. L-iskor sar 2-0 fis-26 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Julie Ertz u Carli Lloyd reġgħet kabbret l-iskor b’daqqa ta’ ras oħra fil-35 minuta.
Fit-tieni taqsima kellha tkun il-gowlkiper taċ-Ċili Christiane Endler li salvat diversi tentattivi u ċaħħdet lill-Istati Uniti milli jkomplu jiskorjaw. L-Amerikani ma kinux bl-aqwa formazzjoni hekk kif kien hemm seba’ plejers mistrieħa, iżda xorta laqtu l-lasta tliet darbiet u fallew penalty minn Lloyd li falliet iċ-ċans li ssir l-ixjaħ plejer li tiskorja tripletta f’Tazza tad-Dinja.
Draw kontra r-rivali l-Iżvezja f’Le Havre l-Ħamis li ġej, ikun biżżejjed għall-Amerikani biex ikunu rebbieħa tal-grupp b’differenza tal-gowls. Iċ-Ċili li qed tilgħab għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja jibqgħu jittamaw li jikkwalifikaw bħala wieħed mill-aħjar timijiet li spiċċaw it-tielet.
Tazza tad-Dinja
Grupp F: Żvezja v Tajlandja 5-1, Stati Uniti v Ċili 3-0
Logħob li jmiss
Grupp B: Ċina v Spanja 6.00pm, Afrika ta’ Isfel v Ġermanja 6.00pm
Grupp A: Korea ta’ Isfel v Norveġja 9.00pm, Niġerja v Franza 9.00pm
//= $special ?>