Prestazzjonijiet mill-aqwa tal-Italja u l-Polonja fissru tliet punti importanti f’żewġ logħbiet ta’ livell u li kienu missielta. L-Italja rebħet 3-1 kontra Spanja fi Stadio Renato Dell’Ara. Kienu l-Ispanjoli li kellhom bidu mill-aqwa meta marru fil-vantaġġ wara disa’ minuti b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ Dani Ceballos li ma tax ċans lil Alex Meret.
L-Italja ġabet id-draw fis-36 minuta meta Federico Chiesa rċieva ballun fit-tul u wara li kkontrollah b’mod preċiż, avvanza fuq il-linja xellugija u ħa vantaġġ minn indeċiżjoni tal-gowlkiper Spanjol u skorja b’xutt fuq l-ewwel lasta.
It-tim ta’ Luigi Di Biagio mar fil-vantaġġ fl-64 minuta meta minn ballun lejn is-sostitut Patrick Cutrone, Nicolo Barella għadda għan-nofs lejn Federico Chiesa li mill-viċin għeleb lil Unai Simon. L-Azzurri għalqu l-logħba fit-82 minuta meta wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee ordna penalty għal ġibda ta’ Carlos Soler fuq Lorenzo Pellegrini, bl-istess plejer jiskorja mill-11-il metru.
Il-Polonja rebħet 3-2 kontra l-Belġju minkejja li Aaron Leya Iseka kien poġġa lit-tim Belġjan minn fuq b’daqqa ta’ ras wara 16-il minuta. Reazzjoni mill-Polonja li ġabu d-draw għaxar minuti minn Szymon Zurkowski.
Krystian Bielik poġġa lit-tim Pollakk fil-vantaġġ fit-52 minuta u Sebastian Szymanski deher li għalaq il-logħba fid-79 minuta, sakemm Dion Cools naqqas id-distakk b’daqqa ta’ ras. Il-Belġjani għafsu għad-draw fl-aħħar minuti iżda l-Pollakki żammew sod għal tliet punti importanti.
//= $special ?>