Marc Marquez kabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali għal 37 punt wara li kiseb ir-raba’ rebħa tal-istaġun fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja. Marquez ħa vantaġġ mill-inċident kontroversjali tat-tieni dawra li fiha kienu nvoluti sieħbu Jorge Lorenzo, ir-rivali għall-kampjonat Andrea Dovizioso u d-duo ta’ Yamaha Maverick Vinales u Valentino Rossi.
Dovizioso kellu ħruġ tajjeb u kien fuq quddiem sal-ewwel kantuniera, bit-Taljan Fabio Quartararo jitlef postu mill-pole position. Lorenzo kellu l-aħjar bidu hekk kif sal-ħames kantuniera tela’ r-raba’ mill-għaxar post. Wara l-inċident li qata’ mit-taqtigħa erba’ sewwieqa, Marquez kabbar il-vantaġġ fuq Danilo Petrucci u kkontrolla sat-tmiem.
Fabio Quartararo kiseb it-tieni post qabel it-Taljan l-ieħor Danilo Petrucci. Alex Rins irkupra biex qabeż lil Jack Miller u spiċċa fir-raba’ post. Għal Quartararo dan kien l-ewwel podju fil-karriera filwaqt li Petrucci kiseb it-tielet podju konsekuttiv tal-istaġun.
Fil-klassifika ġenerali, Marquez għandu 140 punt, segwit minn Andrea Dovizioso b’103 punti, Alex Rins b’101 punt u Danilo Petrucci bi 98 punt. It-tellieqa li jmiss issir fit-30 ta’ Ġunju fiċ-ċirkwit ta’ Assen fl-Olanda.
//= $special ?>