Wara li fl-aħħar ġranet seħħ ir-raba’ każ fi ftit ġimgħat ta’ bini li ċeda kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej biswit residenzi, fuq il-midja soċjali aktar nies komplew jaqsmu l-ilmenti tagħhom.
Fuq il-paġna ‘Are You Being Served’ fuq Facebook, persuna tellgħet żewġ ritratti ta’ faċċati ta’ residenzi f’Birkirkara li evidentalment jinsabu f’riskju minħabba l-qsim li qed jidher fil-ġebla. Fuq din il-‘post’ kienu bosta l-kummenti tan-nies li wrew tħassib dwar dak li raw. Din ir-residenza li tinsab f’periklu qiegħda ftit ‘l isfel minn Triq l-Imrieħel, f’Birkirkara.
Net News żar dan is-sit fejn jidher li bħalissa għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni f’post li ftit taż-żmien ilu kien forn u ħanut tal-ħlewwiet. Mir-ritratti jidher li huwa evidenti l-periklu li l-ħajt faċilment jista’ jċedi u jagħmilha kważi impossibbli biex ir-residenti joħorġu minn darhom.







