Internazzjonali

Renju Unit: Donald Trump jikkritika lis-Sindku ta’ Londra rigward vjolenza qattiela fil-kapitali

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mill-ġdid ikkritika bl-aħrax lil Sadiq Khan, is-Sindku ta’ Londra, li fissru bħala ‘simbolu ta’ għajb nazzjonali’ filwaqt li akkużah b’li ‘qed jeqred il-belt kapitali tal-Britanniċi’.

Trump ħareġ bil-kummenti kontroversjali wara li seħħew ħames attakki fuq persuni f’Londra f’anqas minn 24 siegħa u li fihom inqatlu tlieta, bi tlieta oħra jisfaw midruba.

Il-kummenti tal-President Amerikan fuq Twitter, sadanittant, enfasizzaw ‘l-istat ta’ konfront qalil’ li jeżisti bejnu u s-Sindku Khan.

Donald Trump, waqt referenza għall-vjolenza ta’ tmiem il-ġimgħa f’Londra, qal li s-Sindku ‘qed iħalli riżultati diżastrużi’ u li hemm bżonn ta’ xi ħadd ġdid minfloku.

Il-kelliema għal Khan, intant, wieġbu li s-Sindku ta’ Londra kien aktar ħsiebu f’dak li jista’ jagħmel għall-qraba tal-vittmi milli jwieġeb għall-attakki ta’ Donald Trump. Ftit wara, is-Sindku qal li qed jagħti priorità assoluta lis-sigurtà taċ-ċittadini f’Londra u li ‘il-vjolenza ma għandha l-ebda post f’din is-soċjetà’.

Wara l-ħames attakki separati ta’ tmiem il-ġimgħa, il-Pulizija f’Londra arrestat 14-il persuna, inklużi subien u tifla.

Dan wara li raġel ta’ 18-il sena, nhar il-Ġimgħa, inqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’Wandsworth, fin-naħa t’isfel tal-kapitali. Minuti wara, raġel ta’ 19 il-sena spiċċa maqtul minn tiri sparati lejh fiz-zona ta’ Plumstead, lejn ix-xlokk tal-kapitali. Issa ġie kkonfermat li żewġ adolexxenti qed ikunu akkużati bl-omiċidju tal-vittma f’Wandsworth.

Nhar is-Sibt, raġel ta’ ftit aktar minn 30 sena ukoll spiċċa aggredit u maqtul b’daqqiet ta’ sikkina f’Tower Hamlets, bi tlett irġiel jispiċċaw feruti bis-skieken waqt inċidenti separati fl-inħawi ta’ Clapham u Brixton.