Maurizio Sarri se jkun qed jagħmel ritorn fil-kampjonat Taljan wara staġun hekk kif wara diversi jiem waslet l-uffiċjalità li nħatar kowċ ta’ Juventus b’kuntratt ta’ tliet snin. It-Taljan se jieħu post Massimiliano Allegri wara li wera x-xewqa tiegħu li jirritorna fis-Serie A wara li rebaħ l-ewwel unur fil-karriera tiegħu, bir-rebħ tal-UEFA Europa League.
It-tluq ta’ Sarri jwitti t-triq għal Frank Lampard li jidher li hu l-favorit biex jieħu t-tmexxija ta’ Chelsea. Id-Direttur tal-klabb Ingliż Marina Granovskaia qalet li wara diskussjonijiet li kellhom wara l-finali tal-Europa League, Sarri għamilha ċara li ried jirritorna fl-Italja għal diversi raġunijiet fosthom li jkun qrib tal-ġenituri tiegħu.
Fl-unika staġun tiegħu, Sarri mexxa lil Chelsea għat-tielet post fil-Premier League, wasal sal-finali tal-League Cup u rebaħ l-Europa League. Dan minkejja li kien kritikat diversi drabi fuq l-istil ta’ logħob u l-għażla tat-tim. L-assistent tiegħu Gianfranco Zola wkoll se jħalli l-klabb. Hu kien offrut irwol ta’ ambaxxatur tal-klabb iżda jidher li t-Taljan ta’ 52 sena hu aktar favur li jibqa’ kowċ.
//= $special ?>