Rumena li marret l-Isptar Mater Dei biex twelled spiċċat tilfet lit-tarbija tagħha hekk kif l-awtoritajiet irrifjutawha għax ma kellhiex biex tħallas.
L-omm tiddikjara li t-tqala kienet bla problemi, kif jixhdu wkoll eżamijiet mediċi u testijiet li sarulha qabel seħħ dan il-każ.
Iktar minn hekk, l-omm tiddikjara li bħala persuna Ewropea kellha dritt għall-kura, anke fid-dawl li hi għandha l-European Health Insurance Card li tagħti d-dritt lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirċievu kura bla ħlas jew għal prezz ridott f’każ ta’ emerġenza.
Dan joħroġ minn protest ġudizzjarju li l-omm, li hi Rumena, fetħet fil-konfront tad-Direttur Ġenerali tas-Servizzi tas-Saħħa, il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Mediċi tal-Gvern, il-prim Ministru, il-Ministru tas-Saħħa, is-Segretarju Permanenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, id-Direttur tas-Servizzi tan-Nursing kif ukoll l-Avukat Ġenerali. Hi qed tkun rappreżentata mill-avukati Natalino Caruana De Brincat u Ivan Mifsud.
Fid-dawl ta’ dan qed titlob li fi żmien 15-il ġurnata jkunu kwantifikati d-danni li sofriet il-koppja.
//= $special ?>