Ambjent Lokali

Appell minn BirdLife Malta biex jiġu salvati frieħ tal-Garnija

BirdLife Malta titlob l-assistenza tal-pubbliku biex jiġu salvati frieħ tal-Garnija li jinqabdu fuq l-art minħabba t-tniġġis mid-dawl.

Il-Garnija hija għasfur tal-baħar endemiku għall-Mediterran u meqjus bħala speċi taħt theddida. Il-frieħ ta’ dan l-għasfur iħallu l-bejtiet tagħhom biex itiru lejn il-baħar matul il-lejl, minn nofs Ġunju ’l quddiem u matul Lulju. Madanakollu dan l-ewwel vjaġġ tagħhom jista’ jkun wieħed perikoluż. It-tniġġis mid-dawl tal-ibliet u l-villaġġi tagħna jiddiżorjenta lil ħafna minn dawn il-frieħ li jispiċċaw maqbudin fuq l-art.

Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta qed jappella lill-pubbliku biex jgħin ħalli jiġu salvati dawn l-għasafar żgħar li jsibu diffikultà mal-ewwel titjira tagħhom. Mingħajr l-għajnuna tal-pubbliku, ma jistgħu qatt jerġgħu jsibu triqithom lura lejn il-baħar.

Jekk issib xi garnija ghandek iccempel lil BirdLife Malta fuq 2134 7645/6 (ħinijiet tal-uffiċċju) / 7925 5697 (filgħaxija u fil-weekends) jew lill-pulizija fuq 119 mill-ewwel. Għandek tieħu nota kemm jista’ jkun preċiża tal-post fejn tkun sibt l-għasfur. Tridtersaq viċin l-għasfur minn wara. Tiġbru bl-għajnuna ta’ ċaruta nadifa jew xugaman, iżommlu rasu u tara li l-ġwienaħ ikunu mitnija mal-bqija tal-ġisem.

Trid tpoġġi l-għasfur f’kaxxa tal-kartun li minnha tgħaddi sew l-arja. Żomm il-kaxxa f’post fid-dlam u ’l bogħod mis-sħana. Jekk ikun possibbli agħti ilma frisk lill-għasfur f’kontenitur fond. Jekk il-kaxxa tkun wieqfa, ħalli l-kontenitur fejn l-għasfur ħalli jkun jista’ jixrob meta jrid. Tippruvax tisforza lill-għasfur jixrob. Taghtix ikel lil ghasfur.

Kull għasfur li jiġi salvat jittieħed għand veterinarju tal-gvern biex jiġi eżaminat u jiddaħħal fi programm ta’ riabilitazzjoni. Ladarba jikseb saħħtu kollha lura jinħeles lura fuq il-baħar f’post sikur. Kull sena, bis-saħħa tal-għajnuna tal-pubbliku, qed jinstabu dejjem aktar frieħ tal-Garnija maqbudin fuq l-art. Kull għasfur salvat ikun qed jingħata t-tieni opportunità li jgħix.