Lokali

Binja ta’ ħames sulari sserraħ fuq ftit bricks, trab u biċċiet tal-ġebel

Inċident wara l-ieħor li wasslu biex binjiet residenzjali ġġarrfu ħolqu biża’ fost diversi residenti li għaddejjin minn sitwazzjoni simili fejn qed isir xogħol ta’ tħaffir jew skavar biswit proprjetajiet biswit tagħhom.

Filfatt Net News irċieva diversi lmenti fl-aħħar sigħat, fosthom mill-Imsida fejn stajna ninnutaw kif binja ta’ ħames sulari qed isserraħ fuq ftit bricks.

F’dan il-każ partikolari, is-sit jinsab fi Triq Santa Venera, kantuniera ma’ Triq il-Ħarrub fejn sit biswit blokka ta’ appartamenti tħaffer u ilu hekk għall-aħħar ġimgħat.

Kif jidher mir-ritratti, is-sit li tħaffer hu karatterizzat minn ħamrija, trab u biċċiet tal-ġebel. Fuq dan il-materjal, u saħansitra taħt il-bażi tal-blokka tal-appartamenti, inħoloq vojt li mtela’ minn sett ta’ bricks poġġut fuq xulxin u li suppost iżomm dawn l-apaprtamenti kollha.

Ir-ritratti jixhdu wkoll kif il-bricks huma sempliċiment poġġuti fuq xulxin ħlief għal xi partijiet fejn wieħed isib ftit tikħil iżommhom flimkien.

Dan apparti li f’parti oħra, l-istruttura tal-bricks tinsab sempliċiment fuq pjattaforma li taħtha hemm il-vojt, inkella trab u ġebel imfarrak. Fl-aħħar ġimgħat f’pajjiżna kellna tliet binjiet li ġġarrfu fosthom tnejn fi Gwardamanġa, ftit jiem bogħod minn xulxin. Dan apparti binja oħra fil-Mellieħa.