Knisja Lokali

Diskussi temi importanti relatati mal-komunikazzjoni

Illum ingħata bidu għall-konferenza Ewropea tal-uffiċjali tal-media u l-kelliema tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) fil-Kurja tal-Arċisqof. Konferenza li ssir ta’ kull sena f’pajjiżi differenti fejn din is-sena, wara 23 sena, reġgħet intgħażlet Malta.

Din il-laqgħa qed tlaqqa’ 53 parteċipant minn 27 pajjiż u mis-Santa Sede, biex jiddiskutu temi importanti relatati mal-komunikazzjoni u l-media.

Id-delegazzjoni qed titmexxa mill-Kardinal Angelo Bagnasco, President tas-CCEE, li indirizza lid-delegati wara l-messaġġ ta’ merħba li sar mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

Mons Galea Curmi sostna li l-komunikazzjoni hi kruċjali sabiex tingħata tama lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Huwa saħaq dwar il-bżonn li rridu nsaħħu l-komunitajiet permezz tal-media. Illum il-ġurnata qed ngħixu f’soċjetà fejn il-prinċipji essenzjali tal-ħajja saru sfida kontinwa. L-Isqof Awżiljarju tkellem u enfasizza l-importanza tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.

Il-Kardinal Angelo Bagnasco tkellem dwar il-funzjoni tal-Knisja fl-Ewropa llum il-ġurnata. Ir-rapporti u x-xogħol li jsir min-naħa tal-ġurnalisti qed ikun ta servizz kbir għall-komunità u uffiċċji pastorali. Din il-ħidma qed tissarraf biex isiru magħrufa r-realtajiet li hemm fis-soċjetà fejn wara li jiġu eżaminati, tkun deċiża x’azzjoni trid tittieħed.L-Arċisqof Charles J. Scicluna se jkun wieħed mit-tliet kelliema ewlenin ta’ din il-konferenza…. konferenza li tiġi fi tmiemha l-Erbgħa.