Sport Sport Ieħor

Froome jgħid li hu fortunat li baqa’ ħaj

(Ritratt: EPA)

L-erba’ darbiet rebbieħ tat-Tour de France Chris Froome qal li hu fortunat li għadu ħaj wara li għamel l-operazzjoni konsegwenza tal-ħabta kerha waqt prova tal-ħin fil-Criterium du Dauphine l-Erbgħa li għadda. It-tim tiegħu Team INEOS ħarġu stqarrija s-Sibt fejn irringrazzjaw lit-tobba u l-istaff mediku tal-Isptar tal-Università ta’ Saint Etienne.

Iċ-ċiklist ta’ 34 sena hu mistenni li jdum tal-anqas sitt xhur nieqes mill-azzjoni wara li spiċċa f’ħajt minħabba li r-riħ ħakmet ir-rota tiegħu. Froome qal li ovvjament hu żmien iebes iżda kompla li ħa ħafna saħħa mill-appoġġ li rċieva fl-aħħar tlett ijiem.

Froome ttieħed bl-ajru biex issirlu l-operazzjoni minħabba li sofra ksur f’ġenbu, fil-minkeb u fil-kustilji u wara l-operazzjoni kien fil-kura intensiva. Il-Britanniku, rebbieħ ukoll tal-Giro d’Italia u La Vuelta, għandu l-ħsieb li jkompli t-12-il sena karriera professjonali hekk kif jirkupra mill-injuries tiegħu. Froome kompla li ż-żmien biex jirkupra beda u jinsab iffukat biex jirritorna fl-aħjar kundizzjoni tiegħu.