Lokali

Iddaħħal jaħdem f’Identity Malta minkejja li ma jafx jikteb u jaqra … issa laħaq manager

Kemm il-barranin li qed jiġu f’pajjiżna biex isibu xogħol, dawk li qed iħaddmuhom imma wkoll il-ħaddiema ta’ Identity Malta stess qed isofru minn burokrazija żejda, ħela ta’ ħin u piż qawwi ta’ xogħol.

Is-sitwazzjoni prekarja nħolqot b’mod speċjali minħabba sensiela ta’ deċiżjonijiet politiċi li saru kemm fi żmien Owen Bonnici, li kien responsabbli minn din l-aġenzija sa qabel sar re-shuffle, imma wkoll fl-aħħar xhur taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

Fost dawn id-deċiżjonijiet kien hemm il-ħatra ta’ persuna, li bilkemm jaf jikteb u lanqas jaqra u li ddaħħal fi ħdan din l-aġenzija sempliċiment għax u qrib ta’ Kastilja. Tant hu hekk li, biex iddaħħal jaħdem hawn, kellu jinħoloq post tax-xogħol ġdid għal assistent tiegħu biex ikun jista’ jiktiblu l-emails, korrisponenza oħra u dokumenti neċessarji.

Dan l-istess persuna hu dak li In-Nazzjon irrefera għalih fl-ewwel  storja ppubblikata nhar it-Tnejn li għadda, fejn żvelajna numru ta’ skandli fi ħdan Identity Malta. S’issa, ħadd mill-awtoritajiet ma ċaħad din l-aħbar u mhux infurmati li bdiet xi investigazzjoni interna.

Hu wkoll l-istess li jiftaħar li għandu saħħa interna kbira, għax jiftaħar li hu qrib il-politiċi, tant li jidħol u joħroġ mill-Aġenzija meta jogħġbu, mingħajr ma jippanċja u saħansitra ma jidħolx għax-xogħol bil-leave jew bis-sick leave mingħajr ma javża lil ħadd. Dan apparti li, meta jkun xogħol, jordna lill-impjegati biex jaqdu lilu qabel ħaddieħor u jtihom struzzjonijiet fuq liem dokumenti jew applikazzjonijiet għandhom jipproċedu bihom, qabel oħrajn.

Iżda minflok ittieħdet azzjoni fil-konfront tiegħu, u minkejja diversi lmenti li saħansitra saru minn grupp ta’ persuni li marru f’Kastilja għand Julia Farrugia Portelli, dan spiċċa promoss madwar sena ilu.

Filfatt In-Nazzjon kien avviċinat minn numru ta’ ħaddiema ta’ Identity Malta li, wara l-ewwel storja ta’ dan il-ġurnal, komplew javviċinawna b’iktar informazzjoni.

Minn din l-informazzjoni ġdida, konfermata minn iktar minn sors wieħed, jirriżulta li dan il-persuna li kien sempliċiment clerk issa laħaq manager fi ħdan Identity Malta. Minkejja li ma jafx jikteb u jaqra, tant li kellu bżonn assistent, issa dan ilu għal kważi sena jokkupa kariga ta’ manager.

Għalkemm l-impjegati li tkellmu magħna saru jaf b’din il-promozzjoni biss fl-aħħar jiem, b’kumbinazzjoni, In-Nazzjon jinsab infurmat li l-ħatra saret wara sejħa interna. Minkejja dan, is-sejħa nħarġet b’mod apposta biex dan il-clerk jieħu din il-kariga, kif filfatt ġara.

Ir-riperkussjonijiet: kju twil ta’ nies ta’ kuljum, b’uħud jorqdu hemm mal-lejl

Il-konsegwenza ta’ dawn il-ħatriet ta’ persuni li ddaħħlu minkejja li ma kinux kwalifikati u m’għandomx idea tax-xogħol, imma sempliċiment bi pjaċir għax Laburisti tal-qalba, hi li l-impjegati l-oħra qed isofru minn piż qawwi ta’ xogħol.

Dan għaliex, dak li suppost jagħmlu xi wħud, imma li mhux kapaċi jagħmluh, minflok qed jispiċċa fuq l-imwejjed tax-xogħol tal-kollegi tagħhom li, minkejja li huma wkoll Laburisti, huma kwalifikati u jafu kif għandu jsir ix-xogħol.

Ir-riperkussjonijiet huma pjuttost viżibbli u wieħed jista’ jinduna bihom billi ta’ kuljum jgħaddi minn quddiem il-binja ta’ Identity Malta faċċata tal-Forti Sant’Iermu u jara kju ta’ barranin jistennew fuq barra. F’mumenti minnhom, matul il-ġimgħa li għaddiet, il-kju kien idur dawra mal-binja, san-naħa ta’ wara.

Taħt l-elementi tan-natura, inkluż ix-xemx tikwi tal-aħħar jiem, wieħed jista’ jinnota għexieren ta’ persuni fil-kju waqt li oħrajn ikomplu ġejjin mal-ġurnata. Fid-dawl ta’ dan, u fid-dawl taż-żieda inkredibbli fl-ammont ta’ barranin fl-aħħar snin, fi ħdan Identity Malta hemm limitu tal-ammont ta’ barranin li jinqdew ta’ kuljum.

Dan wassal biex iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-barranin qed imorru fil-kju quddiem il-bibien ta’ Identity Malta dejjem iktar kmieni, saħansitra sigħat qabel jiftħu l-bibien.

Fl-aħħar jiem, kif jixhdu r-ritratti, kien hemm hemm każi fejn inqalgħet tensjoni, iżda s-sitwazzjoni kienet kontrollata malajr anke għaliex ta’’ kuljum ikun hemm il-preżenza tal-Pulizija.

Fl-aħħar jiem, fuq il-midja soċjali saħansitra ttella’ ritratt li juri barrani li matul il-lejl ħa miegħu s-saqqu u raqad fuq barra ta’ Identity Malta, fuq il-bankina, biex filgħodu jkun minn tal-ewwel fil-kju. Impjegat ta’ Identity Malta qalulna li din hi xena komuni u ġieli kien hemm każi ta’ barranin li marru quddiem il-binja sa mill-ħdax ta’ billejl.

Fuq il-midja soċjali kien hemm ukoll rakkonti ta’ barranin li waslu quddiem Identity Malta qabel is-sitta ta’ filgħodu, u meta ngħataw in-numru ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu, diġa’ kien hemm iktar minn mitt persuna qabilhom. Din il-mara li rrakkuntat din l-esperjenza finalment lestiet ftit wara n-nofs siegħa, sitt sigħat u nfos wara li waslet quddiem Identity Malta.

Matul il-ġimgħa li għaddiet il-kriżi tant eskalat li grupp ta’ barranin organizzaw manifestazzjoni paċifika fejn fost oħrajn ikkwotaw ittra li l-Prim Ministru Joseph Muscat bagħat lill-barranin qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.

B’mod sarkastiku, uħud mill-plackards li twaħħlu madwar il-binja ta’ Identity Malta kienu jaqraw: “Tant aħna kburin li għażiltu lil Malta bħala pajjiżkom, li nitolbukom tingħaqdu mal-kju, fix-xemx tikwi, u tieħdu numru. JEKK tkunu fortunati, naqdukom illum. Jekk le, jekk jogħġobkom, ejjew għada. Jaf ikollkom tistennew bejn erba’ u sitt sigħat, jaf ikollkom tqattgħu l-lejl hawn, jaf ikollkom titilfu ġurnata xogħol IMMA merħba bikom.”

L-uffiċjali tas-sigurtà mmedjatament intbagħtu fil-post biex ineħħu kollox u ftit jiem wara, minflok tneħħew l-impjegati li qed jaħlu l-ħin u mhux kwalifikati, imma l-aqwa li jirċievu l-paga, Identity Malta ħabbret estensjoni fil-ħinijiet tal-ftuħ u żieda fl-impjegati.

Sadattant In-Nazzjon għadu jistenna tweġiba minn Julia Farrugia Portelli dwar jekk hux minnu li fi ħdan Identity Malta hemm persuni li m’għandhomx kwalifiċi.

Minkejja li l-mistoqsijiet tagħna ġew injorati, In-Nazzjon fil-jiem li ġejjin se jkompli jikxef l-iskandli li d-diretturi ta’ Identity Malta kienu kompliċi fil-ħabi tagħhom.