Futbol Sport

Il-Ġermanja u Franza jispiċċaw rebbieħa tal-grupp tagħhom

(Ritratt: EPA)

Il-Ġermanja spiċċat fil-quċċata ta’ Grupp B wara rebħa ta’ 4-0 kontra l-Afrika ta’ Isfel. Id-darbtejn rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja kellhom diversi okkażjonjiet biex jiskorjaw aktar minn erbgħa gowls kontra d-debuttanti li temmew il-kompetizzjoni mingħajr punt.

Melanie Leupolz fetħet l-iskor wara 14-il minuta b’daqqa ta’ ras biex irduppjaw man-nofs siegħa logħob wara li Sara Dabritz ħadet vantaġġ minn żball tal-gowlkiper tal-Afrika ta’ Isfel Andile Dlamini. L-iskor sar 3-0 fl-40 minuta permezz ta’ Alexandra Popp, b’Lina Magull tiskorja r-raba’ gowl mill-viċin fit-58 minuta.

Mill-istess grupp, Spanja u ċ-Ċina spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls, riżultat li bih għaddew iż-żewġ timijiet mal-aħħar 16. Spanja kkwalifikat bħala t-tim li spiċċa t-tieni fil-grupp filwaqt li ċ-Ċina huma t-tim li spiċċa t-tielet post bl-akbar ammont ta’ punti mill-gruppi l-oħra.

Spanja kkwalifikat mill-grupp għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja wara li huma kienu għamlu d-debutt erba’ snin ilu. Iċ-Ċiniżi komplew ir-rekord li qatt ma kkwalifikaw mill-grupp u għalkemm evitaw liċ-champions tad-dinja l-Istati Uniti fir-rawnd li jmiss, jistgħu jilagħbu kontra l-Ingilterra.

Franza spiċċat l-ewwel fi Grupp A b’rebħa mqanżħa fuq in-Niġerja f’logħba mimlija inċidenti. In-Niġerja kellha tkompli l-logħba b’raġel anqas kwarta mit-tmiem meta Ngozi Ebere ntweriet it-tieni karta safra.

Il-gowl deċiżiv wasal fid-79 minuta meta ngħata penalty favur Franza għal fawl fuq Viviane Asseyi li ngħata wara konsultazzjoni mal-VAR. Il-penalty ta’ Wendie Renard ħabat mal-lasta iżda minħabba li l-gowlkiper Chiamaka Nnadozie ċċaqalqet kmieni, kellu jerġa’ jingħata l-penalty li minnu Renard skorjat.

Il-Korea ta’ Isfel kienet eliminata wara telfa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja li kkwalifikat. Caroline Graham Hansen fetħet l-iskor wara ħames minuti minn penalty u Isabell Herlovsen irdoppjat fil-51 minuta minn penalty ieħor. Yeo Minji naqqset id-distakk b’gowl mill-viċin fit-78 minuta.