Il-Ġermanja kisbet rebħa meritata meta għelbet lid-Danimarka 3-1 fi Stadio Friuli. Il-Ġermanja fetħet l-iskor fit-28 minuta meta Marco Richter irċieva mingħand Maximilian Eggestein u b’xutt li kien imxellef għeleb lil Daniel Iversen. L-iskor sar 2-0 fit-52 minuta meta d-difiża tad-Danimarka nqabdet fuq sieq waħda b’Marco Richter javvanza min-naħa xellugija ta’ nofs il-grawnd, avvanza u wara li ġibed il-ballun għan-nofs skorja b’xutt fil-baxx.
Gian-Luca Waldschmidt għamilhom tlieta fil-65 minuta meta rċieva mingħand Marco Richter, avvanza u qabbeż fuq il-gowlkiper avversarju. Id-Danimarka skorjat il-gowl ta’ konsolazzjoni fit-73 minuta meta r-referee Orel Grinfeld ordna penalty permezz tal-VAR wara li Timo Baurngartl mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru Robert Skov ma żbaljax b’xutt b’saħħtu.
L-Awstrija wkoll kellha bidu pożittiv b’rebħa ta’ 2-0 kontra s-Serbja fi Stadio Nereo Rocco ta’ Triestina. Hannes Wolf kien fetaħ l-iskor fis-37 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara li xutt ta’ Sascha Horvath ħabat mal-lasta l-wieqfa.
Dan il-gowl kellu bżonn il-konferma tal-VAR għal suspett ta’ offside. L-Awstrijaċi għalqu l-logħba fit-78 minuta bi free-kick fil-baxx ta’ Sascha Horvath li għadda qalb il-plejers u spiċċa fin-naħa ta’ isfel tar-rokna.
//= $special ?>