“L-isport huwa importanti fil-formazzjoni tas-soċjetà għax jinkludi valuri bħar-rispett, il-parteċipazzjoni u l-ħidma kollettiva, li għandhom jiffurmaw parti mill-politika tagħna, tan-nazzjon u l-pajjiż.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta ltaqa’ mal-atleti Maltin li ħadu sehem fit-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar (GSSE) fil-Montenegro.
Adrian Delia feraħ lil Team Malta li kien magħmul minn 80 atleta li b’kollox rebħu 27 midalja f’din l-aħħar edizzjoni tal-GSSE, b’sitt midalji tad-deheb fl-Atletika u l-Isparar. Il-Maltin rebħu wkoll 12-il midalja tal-fidda u 9 tal-bronż. Is-sagrifiċċji kemm tal-atleti u l-coaches flimkien mal-ħidma tal-Kumitat Olimpiku Malti huma fundamentali sabiex l-isport f’pajjiżna jwassal għas-suċċessi internazzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jinsab konvint li bħala atleti se jkunu qegħdin jaħdmu sabiex fi żmien sentejn oħra fl-edizzjoni li jmiss tal-GSSE li se ssir f’Andorra u speċjalment fl-edizzjoni ta’ wara li se ssir f’Malta, jippruvaw itejbu l-prestazzjoni tagħhom.
Uħud mill-atleti Maltin li ħadu sehem fil-GSSE issa se jkunu qegħdin jikkompetu wkoll f’kampjonati oħrajn Ewropej jew dinjija matul ix-xhur li ġejjin fosthom logħob Ewropew fil-Belarus fil-21 ta’ Ġunju li ġej u s-2nd League Team Champions fil-Kroazja f’Awwissu. Adrian Delia awgura lill-atleti kollha kull suċċess.
Għal din il-laqgħa mal-atleti Maltin li ħadu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus u s-Segretarju ta’ TimSport PN Andrè Muscat. Preżenti mad-delegazzjoni tal-atleti kien hemm ukoll il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, Chef de Mission u Direttur tal-Kumitat Olimpiku Malti Paul Sultana, u d-Diretturi Dr Lucienne Attard, Maria Vella Galea u Charlene Attard.
//= $special ?>