Lokali

Il-Kunsillier Michael Fenech Adami se jżomm il-post tiegħu bħala President tar-Reġjun Ċentru

Il-Kunsillier ta’ Birkirkara f’isem il-Partit Nazzjonalista Michael Fenech Adami informa lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qiegħed jirrinunzja l-kariga ta’ kunsillier għal-lokalità ta’ Birkirkara, li fih ġie elett fl-elezzjoni tas-Sibt 25 ta’ Mejju, u għalhekk mhux se jkun qiegħed jassumi l-irwol ta’ Kunsillier għal-lokalità ta’ Birkirkara matul il-leġislatura li tibda nhar l-1 ta’ Lulju 2019.

Dan il-pass qiegħed isir biex l-istess Michael Fenech Adami, li ilu jservi fil-kariga ta’ President tal-Kunsill Reġjonali Ċentrali mill-2017, ikun jista’ jkompli jservi f’dan l-irwol sakemm jiskadi l-mandat tiegħi fl-2022. Michael Fenech Adami kien kostrett li jieħu dan il-pass għaliex fl-aħħar emendi li saru fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali (Kap 363) daħal fis-seħħ artiklu li jgħid li ebda President ta’ Reġjun ma jista’ jokkupa kariga f’Kunsill Lokali.

Michael Fenech Adami sellem u rringrazzja kemm lid-diversi kunsillieri li tul is-snin kienu jifformaw parti mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u li ħadem magħhom kemm bħala Sindku kif ukoll bħala minority leader iżda fuq kollox rringrazzja lir-residenti ta’ Birkirkara li għal elezzjoni wara l-oħra tawħ l-appoġġ tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali – bl-aħħar waħda kienet dik tax-xahar li għadda.

Huwa wiegħed li se jkompli jaħdem bħala President tar-Reġjun Ċentru, li Birkirkara tifforma parti minnu, issa aktar minn qatt qabel b’responsabilitajiet ġodda li qed jingħataw ir-reġjuni, kif ukoll ikkonferma l-ħidma tiegħu fil-PN. Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Michael Fenech Adami għall-kontribut li ta’ f’diversi karigi fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirakara u awguralu iktar suċċess fil-Kunsill Reġjonali u iktar ħidma b’risq il-Partit Nazzjonalista.