Parlament

Jeħtieġ soluzzjoni għall-inġustizzja li saret mal-pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo appella biex wara snin ta’ inġustizzja, issa ssir ġustizzja mal-pensjonati tas-Servizzi Ingliżi.

Fil-parlament Ivan Bartolo qal li dwar il-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi qatt ma sar xejn b’mod konkret. Dawn il-pensjonanti għandhom raġun għaliex eluf ta’ pensjonanti qed ikunu mċaħħda minn dak li hu tagħhom u bi dritt. Hu fakkar kif kien l-ex Prim Ministru Mintoff li ċaħħad lil dawn il-pensjonanti mid-dritt tiegħu. L-ebda gvern ma sab tarf kif isolvi din is-serqa li saret lil dawn il-pensjonati. Din il-liġi kienet ħolqot diversi inġustizzji.

Ivan Bartolo semma’ l-inizjattivi li kienu saru mill-Gvern Nazzjonalista tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi iża l-ammont li ingħata ma seta’ qatt jikkumpensa l-ammont li ntilef. Inġustizzja oħra saret meta Malta daħlet l-Ewro għaliex is-somma ta’ Lm200 li kienu ngħataw dawn il-pensjonanti baqgħet E200 u għalhekk dawn ġew ħadu inqas.

L-assoċazzjoni tal-pensjonanti qed tagħmel pressjoni anki bi Brussell u fil-Qorti Ewropea fejn kien hemm opinjoni favur dawn il-pensjonati. Dawn il-pensjonati għadhom jissieltu għal dak li hu tagħhom u ttieħed lura b’mod inġust. Il-gvern issa għandu l-opportunità biex jissodisfa l-karba ta’ dawn il-pensjonanti.

Jeħtieġ li l-pensjonijiet ikunu mtejba biex dawn jirriflettu l-bżonnijiet tal-pensjonijiet u biex ikun evitat li persuni jispiċċaw fil-faqar materjali. Hu appella biex din is-sitwazzjoni tingħata prijorità mill-gvern Laburista, sostna Ivan Bartolo.