Futbol Sport

Kien aħjar li mmut milli nitbiegħed minn ma’ Roma – Francesco Totti

(Ritratt: EPA)

Eżattament 18-il sena wara l-aħħar rebħ ta’ kampjonat minn Roma, Francesco Totti ħabbar b’mod uffiċjali li wara 30 sena assoċjat ma’ Roma kien kostrett li jħalli l-klabb. F’konferenza organizzata mhux f’post proprjetà ta’ Roma iżda fl-uffiċini tal-Kumitat Olimpiku Taljan, Totti qal li bagħat email fis-12.41pm lill-Kap Eżekuttiv ta’ Roma fejn infurmah li kien qed jirriżenja minn diriġent ta’ Roma. Ir-raġuni prinċipali ta’ din id-deċiżjoni diffiċli kienet li Totti qatt ma kellu l-possibbiltà li jaħdem mal-klabb fuq in-naħa teknika. Tul il-konferenza stampa hu tkellem mill-qalb u bl-aktar mod onest fuq diversi fatturi.

Francesco Totti tkellem dwar il-mod kif hu kien jitħalla barra minn kull deċiżjoni relatata man-naħa teknika u kompla li ma kienx tort tiegħu li wasal għal din id-deċiżjoni u għal aktar minn darba saħaq li min imexxi l-klabb irid lir-Romanisti barra mill-klabb ta’ Roma u żied li finalment irnexxielhom. Persuna l-kalibru ta’ Totti, żgur se jkollu min iridu miegħu. Hu kkonferma dan u qal li rċieva offerti minn klabbs Taljani u sar kuntatt miegħu mill-FIFA u l-FIGC.

“Hu impossibbli li nara lil Totti barra Roma, ma tistax isseħħ. Għal mument se nieħu toroq oħra, imbagħad jekk proprjetà ġdida tkun interessata fija, jien inkun lest.” Totti kellu kuntratt ta’ sitt snin bħala diriġent iżda hu żied li kien hemm ħafna wegħdiet li ma nżammux u sostna li minkejja l-imħabba li għandu lejn il-klabb, anki hu għandu karattru u personalità u ma kienx se joqgħod hemm u jgħidulu x’jagħmel mingħajr ma jagħti l-kontribut tiegħu.

Totti mat-tmexxija tal-klabb

Ir-rapport ta’ Totti mal-ogħla diriġenti tal-klabb ma kienx fl-aqwa tiegħu u kellu kritika lejn il-President James Pallotta u l-konsulent tiegħu Franco Baldini. Totti qal li ma’ Baldini qatt ma kellu rapport u mhux se jkollu filwaqt li żied li xi ħadd minnhom kellu jispiċċa u ddeċieda li jitlaq hu.

“Kien inutli li ngħid x’ridt nagħmel għaliex kien ħin moħli. Meta titkellem minn Trigoria ma jisimgħuk qatt għaliex l-aħħar kellma trid dejjem tasal minn Londra,” żied Totti. Totti kompla li hu kien jirċievi telefonati biex jiltaqgħu għaliex ikunu f’diffikultà u b’kollox kellhom xi għaxar laqgħat f’sentejn.

Minkejja kollox, Totti rringrazzja lis-sid tal-klabb James Pallotta talli tah il-possibbiltà li jibqa’ ma’ Roma u jifhem ir-realtà minn aspett differenti. Hu żied li jrid ikun għaqli biżżejjed u jerġa’ jikseb il-fiduċja tan-nies. Totti kompla li l-akbar problema hi min ma jgħix dak li jiġri kuljum f’Ruma, xi ħaġa li min imexxi ma jagħmilx dan u għalhekk jirċievu biss 1% ta’ dak li jiġri.

Mistoqsi x’hemm bżonn biex jirritorna ma’ Roma, Totti mingħajr tlaqliq qal “ċertament tmexxija ġdida. Trid tara jekk iċemplulix, jekk jemmnux fil-potenzjal tiegħi u jekk jemmnux li nista’ nagħmel xi ħaġa tajba. Għalija Roma jiġu qabel kulħadd anki f’dan il-mument. Kien aħjar li mmut milli nitbiegħed minn ma’ Roma, imma għal ġid ta’ kulħadd, aħjar nitlaq jien.”

Il-ħsibijiet ta’ Totti

Totti żied li fuq flus ma tkellem qatt u ma talab xejn. Talab biss li jkun id-Direttur Tekniku għaliex jaħseb li għandu l-kompetenzi. “Tlabt li niddeċiedi kif jagħmel kulħadd imma jekk jagħżlu l-kowċ u d-direttur sportiv, x’poter hu dan? Ma mortx Londra għaliex avżawni jumejn qabel u kienu diġà ħadu l-kowċ u d-direttur sportiv.” L-eks attakkant qal li kieku kellu sehem bħala direttur tekniku li jesprimi pariri importanti u kieku kellmuh qabel għażlu l-kowċ u tawh fiduċja, kien jibqa’ iżda ma setax minħabba li kien hemm min għamillu l-bsaten fir-roti.

Totti esprima li l-uniku kowċ li kellem hu personalment kien Antonio Conte u żied li l-uniku kowċ li akkwista flimkien mal-Kap Eżekuttiv Guido Fienga kien Claudio Ranieri. Hu kellu kliem ta’ tifħir għal dawn iż-żewġ persuni u żied li Ranieri kien lest li jingħaqad ma’ Roma anki mingħajr ħlas.

Hu flimkien ma’ Fienga kienu konvinti li Antonio Conte kien l-unika persuna kapaċi lil jibdel lil Roma. Fi kliem Totti, Conte kien ta d-disponibbiltà tiegħu iżda żied li kien hemm xi problemi li biddlu l-ħsieb tiegħu, fejn semma li hu ried li jagħmel rivoluzzjoni u fehem li ma kienx se jkun possibbli.

Is-sitwazzjoni Daniele de Rossi

Sitwazzjoni simili għal Daniele de Rossi li wkoll wara karriera ma’ Roma, ma kellux il-kuntratt imġedded. Totti qal li f’Settembru li għadda kien diġà qal lil xi diriġenti dwar il-futur tiegħu u kompla li hu kien il-captain u kellu jkun rispettat. “Ma’ Daniele tkellimt bħala ħabib u pruvajt inġiegħlu jifhem x’kien qed jiġri li nħolqot l-istess problema li ġara lili.”

L-aspett Romanist tiegħu ħareġ ukoll meta ġie mistoqsi jekk hux se jkun qed jattendi logħbiet ta’ Roma. Ir-risposta ta’ Totti kienet ċara; “F’xi logħbiet iva, anki għaliex nibqa’ partitarju ta’ Roma, forsi mmur Curva Sud. U jekk ma jmurx jilgħab x’imkien ieħor, inġib lil Daniele (De Rossi) miegħi u mmorru flimkien fil-curva.”