Ekonomija Kummerċ Lokali

L-aħħar correspondent bank tal-BOV se jinħall minn miegħu f’Diċembru

Il-Bank of Valletta tilef l-aħħar correspondent bank li kellu, l-ING. Dan tħabbar fi stqarrija uffiċjali li saret dalgħodu mill-istess BOV, wara ġimgħat sħaħ ta’ spekulazzjonijiet li kienu konfermati minn diversi sorsi li anke kienu tkellmu ma’ Net News.

Din qed tkun meqjusa bħala daqqa oħra għall-banek f’Malta, riżultat tat-tnaqqis ovvju ta’ fiduċja fil-mod kif pajjiżna qed jittratta kwestjonijiet finanzjarji sensittivi, bil-bank Olandiż ixolji r-rabtiet li għandu mal-bank Malti.

ING ħa dan il-pass wara deċiżjoni strateġika li jinqata’ kompletament minn ġurisdizzjonijiet żgħar meqjusa “riskjużi”. Sentejn ilu, il-BOV tilef ukoll is-servizzi tad-Deutsche Bank.

Il-bank ING se jibqa’ sal-14 ta’ Diċembru jgħaddi tranżazzjonijiet bid-Dollaru Amerikan f’isem il-BOV. Minn wara dik id-data, ma jibqax iforni dan is-servizz.

Il-fatt li l-Bank of Valletta issa se jitħalla mingħajr Correspondent Bank tfisser inkwiet kemm għall-Bank kif ukoll għan-negozji barranin li jaħdmu bid-dollaru.

Il-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat ilu jirċievi kritika qawwija għan-nuqqas ta’ azzjoni li qed jieħu f’dik li hi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bl-aħħar rapport ta’ kundanna jirċivieh propju lbieraħ mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Rapport li jiġi wara diversi oħrajn fosthom il-Kummissjoni Venezja, ir-Rapport Greco u l-Moneyval li għamlu l-istess kritika.