Parlament

L-anzjanità għandha tkun ikkunsidrata bħala l-aqwa stadju tal-ħajja

– Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal l-anzjanità għandha tkun ikkunsidrata bħala l-aqwa stadju tal-ħajja u mhux l-aħħar stadju.

Fil-parlamentd-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li din il-liġi qed tindirizza anomaliji li jqumu dwar il-pensjonijiet u sostna li wasal iż-żmien li tinbena sistema ta’ pensjonijiet li tilqa’ għaż-żminijiet tal-lum. Hu tkellem dwar il-mod kif l-anzjani qed jgħixu fit-tul iżda li qed ikollhom jgħixu b’numru ta’ kundizzjonijiet li qed ipoġġuhom f’sitwazzjoni li jkunu fi sfidi biex jgħixu bl-aqwa mod.

Għahekk il-politika dwar l-anzjanità trid tkun mibnija fuq iktar realizzazzjoni li l-anzjanità hi l-aqwa stadju tal-ħajja u mhux l-aħħar stadju. Dan għaliex l-persuna jkun jista’ jgawdi l-frott ta’ dak li jkun ikkontribwixxa lejn ħajtu u li dan jista’ jikkontrbwixxi fis-soċjetà bl-esperjenza li jkun jkun kiseb.

Claudio Grech qal li l-politika dwar l-anzjanità għandha tingħata iktar importanza u ma tkunx ikkunsidrata biss mill-aspett finanzjarju iżda tmur ħafna lil hinn minn dan.

Hu tkellem dwar is-solitudni li mhix kundizzjoni li tista’ titkejjel iżda hemm rabta bejn is-solitudni u s-saħħa mentali. Illum l-anzjani m’għandhomx vuċi fil-kamp politiku u m’għandhomx leħen biex iwasslu dak li qed jgħaddu minnha minħabba soċjetà mibnija fuq il-konsumiżmu.

L-anzjani li għandhom pensjoni baxxa jinsabu f’sitwazzjoni ferm diffiċli għalkemm anki l-anzjani li għandhom pensjoni diċenti għandhom diffikultajiet għaliex hu inutli li l-anzjani jiżdiedu bi ftit ewros jekk dawn ikunu diġà meħuda qabel jriċeviehom. F’dan il-proċess għandha tkun involuta wkoll is-soċjetà ċivili.

Id-deputat Nazzjonalista qal li anki fil-parlament l-anzjani m’humiex rappreżentanti biżżejjed waqt li anki fil-politika, l-anzjani għandu jkollhom iktar spazju biex jipparteċipaw u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Hu tkellem dwar l-anzjanità attività u appella biex il-qasam tas-saħħa jkun ikkunsidrat b’mod speċifiku dwar il-ħtiġijiet tal-persuni anzjani.

Dan filwaqt li għandu jsir l-aqwa investiment fil-kura primarja. Għandu jkun stabbilit id-dħul minimu għall-persuni anzjani li għadu marbut ma’ pensjoni li biha l-persuna tista’ tgħix b’dinjità. Hu appella biex jibda proċess biex il-parlment jidħol f’aktar dettal dwar kif l-anzjani qed jgħixu fis-soċjetà tal-lum.