Lokali

AMMISSJONI LI FALLA: “L-industrija tal-kostruzzjoni kibret ferm iktar mill-awtoritajiet” – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li l-awtoritajiet ma jistgħux ilaħħqu mal-ammont kbir ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li għaddej f’pajjiżna. Dan wara snin fejn il-Gvern ma ħax azzjoni sakemm finalment il-problema rikbet lill-awtoritajiet.

Il-Prim Ministru kien affacjat bid-domandi tal-ġurnalisti wara li fil-pajjiż splodiet il-kritika miċ-ċittadini nfushom, li jinsabu nkwetati wara erba’ każi fi ftit ġimgħat biss ta’ binjiet li kkrollaw.

“Għandna sitwazzjoni fejn l-industrija kibret ferm iktar mill-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-Gvern. Hemm irridu naraw li din il-gap titnaqqas kemm jista’ jkunu,” iddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iffaċċjat mill-kritika li l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu azzjoni f’diversi każi, il-Prim Ministru farfar għax qal li impossibbli li wieħed ikun fuq kull sit fejn qed isir xi xogħol ta’kostruzzjoni: “Aħna ma nistgħux nibagħtu lill-Pulizija ma’ kull kantun li qed jiċċaqlaq.”

Il-kummenti tal-Prim Ministru waslu fl-ewwel jum tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar regoli ġodda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skavar u kostruzzjoni – konsultazzjoni li bdiet it-Tnejn u tagħlaq din il-ġimgħa stess, b’kollox ħamest ijiem.

Il-proposti jinkludu żieda drastika fil-multi għal min ikompli bix-xogħol minkejja li jkun imwissi biex ma jagħmilx dan jew min jikser ir-regoli. Dan apparti, fost oħrajn, l-obbligu tal-preżenza ta’ perit jew site manager f’mumenti meta jkun qed isir xogħol maġġuri, kull meta tkun qed tittiehed decizjoni krucajli.

Id-dokument li ħareġ il-Gvern mhu xejn ħlief l-Avviż Legali li kien fassal l-aħħar Gvern Nazzjonalista 6 snin ilu, u li issa qed jiġi emendat – prova oħra ċara li f’dan il-perjodu, il-Gvern ta’ Muscat m’għamel assulutament xejn fejn jidħol dan is-settur. Perjodu li fih smajna b’diversi inċidenti, wieħed wara l-ieħor – u f’xi każi, anke imwiet ta’ ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol.

Intant, wara li tagħlaq il-konsultazzjoni, l-abbozz ta’ liġi jmur quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni u wara taqa’ s-sospensjoni attwali fuq xogħol ta’ skavar u tqattigħ f’siti ta’ kostruzzjoni.