Futbol Sport

L-MFRA tibqa’ ssostni li hi awtonoma mill-MFA

Wara li l-MFA qalet li l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA hi ddikjarata nulla u ħolqot Bord tal-Verifika, l-MFRA wieġbet bi stqarrija fejn tenniet li hi assoċjazzjoni awtonoma u għalhekk il-Laqgħa Ġenerali tagħhom hi valida u finali.

Huma saqsew biex l-MFA tikkjarifika liema klawsola fl-istatut tal-MFA nħatar il-Bord tal-Verifika magħmul minn tliet persuni tal-għażla tal-MFA. L-MFRA kompliet l-istqarrija fejn qalet li wieħed mill-persuni magħżula kellu korrispondenza ta’ thedded fil-konfront tal-MFRA u l-President uxxenti Alexie Tabone meta l-MFRA kienet ħarġet direttiva fil-konfront tal-Bord tal-Appelli li dan il-persuna kien chairman.

L-Assoċjazzjoni tar-Referees qalet li persuna oħra ma għandux esperjenza fil-qasam ta’ proċeduri fl-MFA u żiedet li hu persuna ta’ wieħed mill-kandidati għall-Presidenza tal-MFA u komplew li f’ġieħ it-trasparenza din il-ħatra mhix korretta.

Huma komplew li l-pariri legali li ħadet l-MFRA jindikaw li l-Bord tal-Verifika ma jeżisti fl-ebda regola tal-MFA u sostnew li l-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ma għandu l-ebda setgħa li jagħmel bord li mhux permess bl-istatut tal-MFA. L-MFRA saħqet li jekk tinqala’ kwistjoni bejn l-MFA u l-MFRA għandha tmur quddiem persuna tal-fiduċja tal-MFRA, oħra tal-MFA u chairman maħtur miż-żewġ persuni magħżula.