L-attakkanti Luis Suarez u Edinson Cavani t-tnejn sabu x-xibka hekk kif l-Urugwaj bdiet il-Copa America bl-aħjar mod b’rebħa ta’ 4-0 kontra l-Ekwador li spiċċat il-logħba b’raġel anqas. Cavani u Suarez kif ukoll Nicolas Lodeiro skorjaw fl-ewwel taqsima biex għalqu l-logħba li fiha ddominaw.
“L-ewwel pass kien importanti ħafna għalina. Irridu nippruvaw inżommu dan il-momentum għall-kumplament tat-tournament,” qal Cavani. L-Urugwaj lagħbet b’raġel aktar għal aktar minn siegħa wara li Jose Quintero tkeċċa fl-24 minuta għal daqqa ta’ minkeb fuq Lodeiro. Oriġinarjament intwera l-karta s-safra qabel tkeċċa wara konsultazzjoni mal-VAR.
Lodeiro fetaħ l-iskor wara sitt minuti meta kkontrolla passaġġ ta’ Suarez fil-kaxxa, qabbeż fuq difensur u sab ix-xibka. Wara l-partita, l-istess plejer qal li l-logħba nfetħet wara t-tkeċċija u ddominaw. Hu żied li jridu jkomplu hekk logħba wara logħba u jfittxu li jitjiebu. Cavani kellu żewġ tenattivi mill-viċin salvati mill-gowlkiper Alexander Dominguez iżda skorja fit-33 minuta b’xutt fl-arja qabel Suarez żied il-vantaġġ fl-44 minuta minn azzjoni ta’ korner.
Ir-raba’ gowl wasal fit-78 minuta meta Arturo Mina tefa’ fix-xibka tiegħu stess fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, gowl li wkoll kien konfermat bit-teknoloġija. L-Urugwaj kellha wkoll żewġ gowls li tħassru għal offside, wieħed f’kull taqsima. L-Urugwaj rebħet il-Copa America għal rekord 15-il darba.
//= $special ?>