Internazzjonali

Miet l-eks President Eġizzjan Mohammed Morsi

L-eks President tal-Eġittu, Mohammed Morsi — li kien tkeċċa mill-Armata fl-2013 — miet ftit wara li ħassu ħażin ġo awla tal-qorti fil-Kajr.

Morsi, li kellu 67 sena u li kien personalità ewlenija fil-Fratellanza Musulmana ( illum projbita fl-Eġittu), kien tressaq il-qorti għal smigħ dwar akkużi ta’ spjunaġġ. Għalkemm Morsi kien kiteb l-istorja meta laħaq bħala l-ewwel President Eġizzjan elett bil-mezzi demokratiċi, hu tqaċċat mill-poter sena wara, fost il-protesti tal-massa fil-Kajr.

Wara li tneħħa mill-poter, l-awtoritajiet Eġizzjani wettqu offensiva fuq is-sostenituri ta’ Morsi u l-membri tal-Fratellanza Musulmana, b’Mohammed Morsi jibqa’ miżmum taħt arrest sa mis-sajf tal-2013. Morsi dejjem qal, intant, li hu kien spiċċa l-vittma ta’ kolp ta’ stat iżda l-kritiċi tiegħu akkużawh b’li permetta (waqt li fil-poter) biex l-Iżlamiċi jimmonopolizzaw ix-xenarju politiku tal-Eġittu

Is-smigħ tiegħu fil-kapitali Eġizzjana kien qed jitratta akkużi ta’ spjunaġġ relatati ma’ suspettati kuntatti mal-grupp Hamas tal-Palestinjani Iżlamiċi.