Sport Sport Ieħor

Murray jgħid li l-operazzjoni biddlet il-ħajja tiegħu fil-pożittiv

Andy Murray qal li l-operazzjoni f’ġenbu bidlet il-ħajja tiegħu, hekk kif qed jipprepara li jirritorna għat-tennis kompetittiv fi Queen’s. L-eks numru wieħed tad-dinja se jikkompeti fid-doubles ma’ Feliciano Lopez il-ġimgħa d-dieħla, f’dik li se tkun l-ewwel logħba kompetittiva għalih minn Jannar ta’ din is-sena qabel ma għamel l-operazzjoni.

L-aħħar logħba għat-tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam kienet fl-ewwel rawnd tal-Open tal-Awstralja kontra Roberto Bautista Agut. Hu kkonferma li mhux se jikkompeti b’mod individwali f’Wimbledon iżda jidher li se jikkompeti fil-kategorija tad-doppji.

Ir-rebbieħ tal-Open tal-Istati Uniti tal-2012 jittama li jkun fiżikament tajjeb biex jikkompeti b’mod individwali fi New York aktar tard din is-sena, iżda għadu ma għamilx żmien partikolari li fih għandu jirritorna b’mod komplet.

“Ma nafx kif se nħossni meta nirritorna fil-court, imma nħossni fortunat u rilassat għaliex ma stennejtx li se nkun f’din il-pożizzjoni. Ma kontx naf kif se jkun iħossni kieku għamilt l-operazzjoni imma kienet brillanti u bidlet il-ħajja tiegħi minn fejn kont.”

Murray żied li jinsab ħerqan li jirritorna imma ma jafx x’se jistenna. Hu kompla li mhux qed ipoġġi aspettattiva fuqu għaliex ammetta li għalih hu biżżejjed li se jirritorna fil-court u jkun komdu mingħajr ma jkun muġugħ.